Dikjarazzjoni ċara mill-President ta’ Floriana Riccardo Gaucci skont is-sit Taljan ANSA. Gaucci tkellem dwar is-sitwazzjoni ta’ Floriana f’dan il-mument wara li t-Tnejn li għadda ġie deċiż b’mod definit li l-Kampjonat Premier mhux se jitkompla.
Mal-aġenzija Taljana, Gaucci spjega l-pożizzjoni ta’ Floriana fil-kampjonat. Meta waqaf il-kampjonat, Floriana kienu jinsabu fil-quċċata b’41 punt, tliet punti aktar minn Valletta u erba’ punti fuq Hibernians, b’sitt logħbiet għal tmiem il-kampjonat.
Gaucci tkellem kif l-MFA ħadet id-deċiżjoni li Floriana jieħdu sehem fil-UEFA Champions League li jmiss iżda għadha ma ħadet l-ebda deċiżjoni dwar jekk hux se jintrebaħ il-kampjonat. “Aħna nħossu li hu tagħna u leġittimament intrebaħ skont dawk li huma r-regoli tal-UEFA.”
Aktar milli jħoss li Floriana għandhom jirbħu l-kampjonat, skont l-ANSA, Gaucci qed jaħseb ukoll fil-konsegwenzi jekk id-deċiżjoni tmur kontrih. “Jekk l-Assoċjazzjoni lokali mhux se tagħti l-kampjonat, aħna mmorru l-UEFA u jekk hu neċessarju l-FIFA. Imma m’hemmx dubju li t-titlu rbaħnieh fil-pitch.”
Gaucci li għandu 43 sena, ilu President ta’ Floriana mill-istaġun 2014/15. Minn dakinhar, Floriana spiċċaw fil-ħames post għal erba’ staġuni konsekuttivi iżda t-tmien post miksub l-istaġun li għadda, wassal għal investiment akbar minnu. Taħt il-Presidenza tiegħu, Floriana rebħu l-FA Trophy tliet snin ilu u s-Super Cup filwaqt li lagħbu darba fl-Europa League.
//= $special ?>