Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, wissa lill-Iran li ‘qiegħed jilgħab man-nar’ wara li l-Mexxej Suprem Iranjan, l-Ayatollah Ali Khamenei, bagħat kummenti, fuq Twitter, fejn akkuża lil Iżrael bħala ‘sponsor tat-terroriżmu’. Fl-istess ħin, Khamenei, b’referenza ċara għal Iżrael, ħareġ sejħa ċara ‘għall-eliminazzjoni tar-reġim Żijonista’.
Intant, Netanyahu ukoll wieġeb fuq Twitter b’messaġġ li Khamenei imissu jaf li ‘kulmin jhedded lil Iżrael b’qerda jispiċċa f’periklu simili’.
Min-naħa tiegħu Khamenei qal li ‘l-eliminazzjoni tar-reġim Żijonista ma tfissirx l-eliminazzjoni tal-Lhud, iżda li jitwarrbu mill-poter nies vjolenti bħal Netanyahu’. Dan waqt li rrepeta li ‘ir-reġim Żijonista hu l-aktar eżempju ċar ta’ terrur meta (Iżrael) ipprova jwettaq l-iskopijiet tiegħu bil-qtil tal-irġiel, nisa u tfal’.
L-Istati Uniti, sadanittant, ikkundannat il-kummenti ta’ Khamenei bħala ‘diżgustanti u anti-Semitiċi’ u enfasizzat li mgħandhomx posthom fuq Twitter.
//= $special ?>