Edukazzjoni Lokali

Nofs miljun għal aktar klassijiet-kontejners

Il-Gvern se jkun qed jonfoq kważi nofs miljun ieħor fl-iskejjel. Iżda dan l-investiment se jkun f’aktar klassijiet-kontejners.

Ikkonferma dan il-Ministru tal-Edukazzjon nnifsu fi tweġiba għal mistoqsija li għamillu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said fil-Parlament.

Filfatt Owen Bonnici qal li se jintefqu €466,000 sabiex jitpoġġew aktar klassijiet prefabricated fil-Kulleġġ San Nikola fir-Rabat u fil-Kulleġġ San Tumas More fiż-Żejtun. F’kull skola se jitpoġġew 8 kontejners.

Dan ifisser li l-Gvern qed ikompli jonfoq aktar flus fi strutturi temporanji li eventwalment jispiċċaw fix-xejn minflok jinvesti f’bini ta’ skejjel ġodda li jservu għal għexieren ta’ snin.

Il-Gvern issa illu s-snin juża din l-istrateġija hekk kif in-numru ta’ studenti kien dejjem qed jikber  u ma kienx hemm pjan għaż-żieda fiċ-ċifri.

Għaldaqstant, dan it-tip ta’ strutturi temporanji bdew jitpoġġew f’għadd ta’ btieħi u spazji oħra li suppost jinutażaw għal skop rikreattiv tal-istudenti, li iżda, minflok, imtlew bil-kontejners.

Mhux magħrufa ċ-ċifra preċiża li ntefqet sa issa fuq dawn il-klassijiet-kontejners. Li hu żgur hu, li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jonfoq il-miljuni fi strutturi li qed jieħdu post skejjel tal-ġebel.