Kitba tal-ġurnalist Stewart Said
Bħalissa l-maġġoranza tad-dilettanti tal-futbol lokali qed jitkellmu dwar is-sitwazzjoni preżenti marbuta dwar jekk kellux jieqaf il-kampjonat rispettiv jew le u jekk għandux ikun hemm rebbieħa ta’ kampjonat, promozzjonijiet u relegazzjonijiet.
Jien li ili nsegwi l-futbol Malti u ma niddejjaqx ngħid li għandi għal qalbi dak kollu li għandu x’jaqsam mal-futbol Malti (bil-problemi kollha tiegħu), iffurmajt opinjoni dwar x’naħseb li għandu jiġri f’dawn il-mumenti. Kont qed naħseb għandix nikteb din l-opinjoni, minħabba li sfortunatament f’pajjiżna ma tantx aħna kapaċi li ngħidu ma naqblux u niddibattu l-argumenti, imma rridu mmorru dejjem fuq l-attakki personali.
Bħala ġurnalist inħoss li hu parti mix-xogħol tiegħi li kultant nesprimi l-ħsibijiet tiegħi u mhux biss nikteb x’jgħid ħaddieħor. Għalhekk iddeċidejt li nikteb ftit ħsibijiet tiegħi dwar dan l-istaġun iżda wkoll b’rabta mal-istaġun li ġej. Wara li bdejt naħseb sew x’jista’ jsir wasalt għall-konklużjoni li nibbaża l-ħsieb tiegħi fuq żewġ prinċipji. L-ewwel prinċipju hu l-Verdett Uffiċjali tal-kampjonati u dik li nsejjaħ jien il-Problema tal-Piramida.
Is-sitwazzjoni tal-kampjonati
Hekk kif hu deċiż li l-kampjonati kollha mhux se jkomplu, wasalt għal din l-opinjoni. Normalment jien ma tantx nispekula imma nibbaża fuq il-fatti. Fl-erba’ kampjonati, hemm VERDETT WIEĦED UFFIĊJALI. Dan hu dak li fil-Kampjonat Premier, Tarxien Rainbows huma matematikament relegati. Fil-kampjonati l-oħra għad m’hemm xejn deċiż. Fil-Kampjonat Premier jonqos sitt logħbiet, fl-Ewwel Diviżjoni jonqos seba’ logħbiet, fit-Tieni Diviżjoni hemm timijiet li jonqoshom ħames logħbiet u oħrajn sitt logħbiet filwaqt li fit-Tielet Diviżjoni jonqos ħames logħbiet.
Minħabba li l-kampjonati għadhom ma spiċċawx, seta’ jiġri kollox. Jekk nieħdu n-naħa ta’ fuq tal-kampjonati għad fadal diversi konfronti dirett li jistgħu jibdlu l-klassifika aktar min-normal. Fil-Kampjonat Premier fadal il-konfronti Hibernians v Floriana u Hibernians v Valletta. Fl-Ewwel Diviżjoni bejn l-ewwel erba’ timijiet fadal Lija v Żejtun, Żejtun v Naxxar, Lija v Naxxar, Lija v Qrendi. Fit-Tieni Diviżjoni bejn l-ewwel tlieta fadal Marsa v Marsaxlokk u Marsaxlokk v San Ġwann.
Fit-Tielet Diviżjoni Attard għandhom seba’ punti vantaġġ u fadlilhom fosthom kontra Kirkop, Siġġiewi, Għargħur u Msida, l-erba’ timijiet li qed jiġru warajhom. Fadal ukoll Għargħur v Kirkop u Kirkop v Siġġiewi. Dawn huma biss konfronti bejn timijiet li qed jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat jew promozzjoni. Dan biex ma nġibx eżempju tal-logħbiet li fadal fin-naħa ta’ isfel tal-klassifiki.
Dwar perċentwali ta’ partiti milgħuba f’kampjonat, fil-Kampjonat Premier intlagħbu 77%, fl-Ewwel Diviżjoni ntlagħbu 73%, fit-Tieni Diviżjoni, xi timijiet lagħbu 75% u oħrajn lagħbu 79.2% filwaqt li fit-Tielet Diviżjoni lagħbu 77.2%. Dan ifisser li b’mod metaforiku, f’tellieqa tal-100 metru fl-atletika, ħadd għadu ma qabeż it-80 metru u t-tlielaq jistgħu jispiċċaw b’photo-finish.
Il-fatti
Meta npoġġi kollox fuq il-miżien, nasal għall-konklużjoni li l-kampjonati ma spiċċawx FATT. Xejn mhu deċiż ħlief għal verdett wieħed uffiċjali FATT. B’diversi konfronti speċjalment dawk diretti, il-klassifiki setgħu jinbidlu FATT. Seta’ kollox baqa’ kif inhu wkoll FATT. Klabbs li jinsabu fil-pożizzjonijiet ta’ fuq nefqu mhux ftit FATT, klabbs li nefqu mhux ftit u jinsabu viċin l-għan tagħhom FATT, klabbs li jinsabu f’pożizzjonijiet ta’ relegazzjoni u għandhom ċans isalvaw FATT.
Meta nikkunsidra kollox, jien tal-opinjoni li Tarxien Rainbows ikunu relegati għall-Ewwel Diviżjoni kif kien diġà deċiż fil-pitch filwaqt li ma jkunx hemm rebbieħa ta’ kampjonati, promozzjonijiet u relegazzjonijiet. Il-logħbiet tal-play-offs ma nħossx li għandhom jintlagħbu. Naf, se jkun hemm dawk li jaqblu miegħi u oħrajn le. Oħrajn se jgħidu kemm jien bravu u oħrajn li se jinfexxu f’tgħajjir u jgħidu kemm ma nifhimx eċċ.
Dwar it-timijiet li se jilagħbu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, naqbel li Floriana għandhom jilagħbu fil-UEFA Champions League filwaqt li Valletta, Hibernians u Sirens għandhom jilagħbu fil-UEFA Europa League. Dan biex tkun rispettata l-linja gwida tal-UEFA li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tagħha, it-timijiet fuq mertu sportiv ta’ dan l-istaġun.
Il-futur tal-kampjonati
Dan iġibni għat-tieni prinċipju tiegħi, dik li nsejjaħ bħala l-Problema tal-Piramida. Għal min jaf kif inhi Piramida, ikollok l-iktar parti wiesgħa isfel u l-iktar parti dejqa fuq. Minħabba deċiżjonijiet fl-aħħar snin, din il-piramida nqalbet (tipikament tal-futbol Malti). Fil-Kampjonat Premier għandna 14-il tim, fl-Ewwel Diviżjoni għandna 14-il tim, fit-Tieni Diviżjoni għandna 13-il tim u fit-Tielet Diviżjoni għandna 12-il tim. Fi frażi waħda, l-anqas timijiet isfel, jiġifieri bil-kontra tal-piramida.
Meta nżomm f’moħħi d-diffikultajiet finanzjarji li kellhom il-klabbs u dawn id-diffikultajiet komplew jikbru minħabba l-Covid-19, tal-opinjoni li nieħdu vantaġġ minn dan il-mument u jkun hemm tibdil fl-ammont ta’ timijiet fid-diviżjonijiet. Kif stqarrejt li għandu jiġri mill-kampjonati ta’ dan l-istaġun, fl-istaġun li ġej, il-Kampjonat Premier ikun fih 13-il tim, l-Ewwel Diviżjoni jkun fih 15-il tim filwaqt li t-Tieni u t-Tielet Diviżjoni jibqgħu bi 13-il u 12-il tim rispettivament.
Fl-opinjoni tiegħi, wieħed għandu jilgħab fil-Kampjonat Premier għax ħaqqu u mhux għax jingħata bħala rigal. Għalhekk dejjem fl-opinjoni tiegħi, l-istaġun li ġej ikunu relegati 3 u jitilgħu 2 mill-Ewwel Diviżjoni biex il-Kampjonat Premier ikun fih 12-il tim fl-istaġun 2021/22. Fl-istaġun li ġej jiġifieri 2020/21, jaqgħu 4 mill-Ewwel Diviżjoni u jitla’ tim mit-Tieni Diviżjoni filwaqt li jaqgħu 4 mit-Tieni Diviżjoni u jitla’ wieħed mit-Tielet Diviżjoni. B’hekk mill-istaġun 2021/22, ikollna 12-il tim fil-Kampjonat Premier, 12-il tim fl-Ewwel Diviżjoni, 14-il tim mit-Tieni Diviżjoni u 15-il tim fit-Tielet Diviżjoni.
Dawn il-ħsibijiet wasalt għalihom meta żammejt f’moħħi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-klabbs li kompliet taggrava bil-Covid-19, il-prinċipju tiegħi li l-ogħla diviżjoni għandha jkollha anqas timijiet mid-diviżjonijiet l-oħra u l-ġid tal-futbol Malti. Għal dawk li qed jgħidu għaliex ħa jkunu relegati iżjed timijiet milli jitilgħu f’diviżjoni u mhux ġust, infakkar li erba’ snin ilu ttieħdet deċiżjoni li jitilgħu aktar timijiet milli jaqgħu f’diviżjoni.
Konklużjonijiet
Dawn il-ħsibijiet huma biss dwar il-format eżistenti tal-kampjonat. L-opinjoni tiegħi dwar il-kompożizzjoni tal-kampjonati jmorru oltre minn hekk. Naf li l-MFA qed taħdem fuq bidliet strutturali tal-kampjonat u għalhekk nilqa’ kull bidla li tista’ ssir għall-ġid. Jien tkellimt fis-sitwazzjoni preżenti u biex ma nikkomplikax l-affarijiet għaliex mhux faċli biex ikunu spjegati. Nerġa’ nisħaq li din hi biss opinjoni tiegħi. Jien mhux parti mill-Kunsill tal-MFA u għalhekk ma għandix vot. Nittama li meta jkun hemm deċiżjoni b’vot, jittieħed l-interess tal-futbol Malti.
Il-problemi tal-futbol Malti huma diġà kbar, nittama li min għandu l-veru ġid tal-futbol Malti, mhux biss f’din is-sitwazzjoni, jieħu d-deċiżjonijiet li jwasslu biex ikun hemm progress fil-futbol Malti u mhux biss jara x’jista’ jibbenefika l-individwu jew il-klabb li jkun qed jirrappreżenta.
DIN HI OPINJONI TAL-AWTUR, U GĦALHEKK MA TIRRAPPREŻENTAX LIL ĦADDIEĦOR
//= $special ?>