Lokali

AĠĠORNATA: Raġel ta’ 32 sena fil-periklu tal-mewt wara inċident f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħaż-Żabbar

Raġel ta’ 32 sena residenti Marsascala, jinsab rikoverat fl-isptar Mater Dei bi ġrieħi serji wara li weġġa’ f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħaż Żabbar.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.45am fi Triq ix-Xgħajra.

Fuq is-sit waslu uffiċjali tal-Pulizija mill-għassa tad-distrett kif ukoll ambulanza biex tassisti lill-vittma.

L-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jindikaw li r-raġel sofra ġrieħi wara li waqa’ fuqu parti mill-istruttura ta’ krejn li kienet fuq is-sit.

Tim mediku li ssejjaħ fil-post tal-inċident ta l-ewwel għajnuna lir-raġel li mbagħad ittieħed l-isptar Mater Dei fejn instab li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farruġia, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.