Lokali

TVM jinstab ħati ta’ nuqqas ta’ imparzjalità

L-Awtorità tax-Xandir sabet lill-istazzjon nazzjonali TVM ħati ta’ nuqqas ta’ imparzjalità wara li l-Partit Nazzjonalista ressaq ilment dwar il-programm Xarabank li xxandar nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu 2020.

Waqt dan il-programm kienu mistiedna l-Ministru Silvio Schembri u l-Ministru Owen Bonnici li tkellmu dwar il-pożizzjoni tal-Gvern u ddefendew lilhom nnifishom u lill-Gvern li jiffurmaw parti minnu mill-kritika li qed issir fil-konfront tagħhom.

F’partijiet mill-programm intervjenew diversi persuni oħra iżda fl-ebda parti tal-programm ma ngħata spazju lil xi rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista bħala l-Oppożizzjoni ta’ pajjiżna sabiex iwassal il-pożizzjoni u l-kritika tiegħu dwar id-deċiżjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern dwar l-imxija tal-Coronavirus (COVID-19) f’pajjiżna.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorità tax-Xandir qalet li l-fatt li l-istazzjon nazzjonali xandar l-veduti ta’ entitajiet oħra li kellhom interess fit-temi diskuss apparti l-esponenti tal-Gvern u allura ma kellhomx jitħallew barra l-veduti tal-Oppożizzjoni. L-Awtorità tax-Xandir ddeċidiet ukoll li n-natura tal-programm kien jitlob li rappreżentanti tal-Oppożizzjoni jkunu preżenti u jingħataw spazju fl-istess programm.

Il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat mis-Segretarju Generali Francis Zammit Dimech u mill-Avukat u Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina quddiem l-Awtorità tax-Xandir.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li x-xandir pubbliku m’għandux jibqa jintuża bħala għodda partiġġjana f’idejn il-Gvern ta’ Robert Abela. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni l-Partit Nazzjonalista jistenna li r-rappreżentanti tiegħu jkunu mistiedna għall-programmi bl-istess mod li qed jiġu mistiedna l-Prim Ministru, Ministri, Segretarji Parlamentari u rappreżentanti tal-Gvern.

Mehmuż ma’ din l-istqarrija maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Francis Zammit Dimech, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Midja, Therese Comodini Cachia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tad-Demokrazija, Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista ppubblika kopja tad-deċiżjoni li ngħatat mill-Awtorità tax-Xandir.