Futbol Sport

17-IL SENA ILU: Gowl lejn it-tmiem ta’ Michael Galea jrebbaħ it-tieni FA Trophy konsekuttiva lil Birkirkara

(Ritratt: In-Nazzjon)

22 TA’ MEJJU 2003

Birkirkara pattew għat-telfa li kienu sofrew kontra Sliema Wanderers fil-finali tal-FA Trophy erba’ snin ilu. Huma rebħu 1-0 b’gowl lejn it-tmiem biex ingħaqdu ma’ ħames timijiet oħra li rebħu l-kompetizzjoni għal sentejn fuq xulxin.

Fl-ewwel taqsima, ftit li xejn kien hemm azzjonijiet denji b’xutt ta’ William Camenzuli jgħaddi ftit barra. Fuq in-naħa l-oħra għal Sliema, Brian Said ra d-daqqa ta’ ras tgħaddi ftit bogħod mil-lasta, eżatt qabel il-ħin tal-mistrieħ. Said reġa’ mar qrib il-gowl wara l-mistrieħ, b’daqqa ta’ ras li ħabtet ma’ sieq il-lasta.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Birkirkara tjiebu mal-ħin u bdew ikunu aktar perikolużi. Fost l-azzjonijiet, Calascione falla ċans minn qagħda tajba u Murphy Akanji kien impenjat minn Michael Galea. Danilo Doncic falla ċans li jiftaħ l-iskor meta xeħet barra minn quddiem il-lasta.

Il-gowl tar-rebħa wasal fit-tieni minuta tal-ħin miżjud meta Calascione approfitta minn żball difensiv ta’ David Camilleri, tefa’ lejn MICHAEL GALEA li xeħet fix-xibka wara ħarġa ftit difettuża ta’ Akanji, fost l-ewforija tal-Istripes. Wara l-partita, il-Viċi President tal-MFA ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Birkirkara Chucks Nwoko.