Futbol Sport

26 SENA ILU: Gowl lejn it-tmiem ta’ Denis Cauchi jrebbaħ l-FA Trophy lil Floriana kontra Valletta

22 TA’ MEJJU 1994

Floriana saru l-aktar tim li rebaħ l-FA Trophy b’rebħa ta’ 2-1 kontra Valletta fil-finali. Għall-Furjaniżi dan kienet it-tieni suċċess konsekuttiva wara r-rebħa kontra Sliema Wanderers fl-istaġun ta’ qabel. Valletta tilfu t-tieni finali tagħhom wara xulxin.

Il-gowl tal-vantaġġ għal Floriana wasal fis-17-il minuta. Id-difiża Beltija waqfet wara ħarġa ħażina ta’ Galea, b’ALBERT BUSUTTIL għola u fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras. Valletta ġabu d-draw fit-42 minuta pjuttost kontra x-xejra tal-logħba b’xutt ta’ GILBERT AGIUS minn madwar 35 metru bogħod.

Il-gowl deċiżiv wasal fis-87 minuta permezz ta’ DENIS CAUCHI bit-tentattiv jaħbat ma’ Gilbert Agius qabel daħal fix-xibka. Il-preżentazzjoni tat-trofew damet ftit aktar mis-soltu biex issir wara inċidenti mill-partitarji ta’ Valletta li xeħtu s-seats fiż-żona tal-VIP. Il-preżentazzjoni saret mill-President tal-MFA Joe Mifsud lill-awtur tal-gowl Denis Cauchi.

(Ritratt: The Times)