Madwar 60,000 ruħ iżuru Marsaxlokk ta’ kull nhar ta Ħadd, fejn in-nies jixtru mill-monti, jieklu fir-ristoranti, iżuru l-kampanja tal-madwar, u anke jgħumu fil-ħames bajjiet maġġuri tiegħu. Wieħed jirrokonoxxi li din iċ-ċifra issa tonqos hekk kif jeżistu prekwazzjonijiet għal min hu vulnerabbli u anke għall-fat li m’hawnx turisti.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ħareġ li huma lesti li jilqgħu d-direzzjoni li ngħataw kemm mill-Gvern u kif ukoll mis-Suprintendent tas-Saħha li l-monti u r-ristoranti minn nhar il-Ħadd li ġej jerġgħu jibdew jopperaw.
Il-Kunsill saħaq li jinsab sensittiv għas-sitwazzjoni ekonomika ta’ madwarna u jifhmu, li dan il-pass meħud ikun ta’ bżonn għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Pero’ huma saħqu li s-saħħa tar-residenti hi ta’ prijorita’ assoluta u għaldaqstant jippretendu li kull tip ta’ miżura rikjesta għall-prevenzjoni tal-imxija tal-Covid19 għandha tiġi mħarsa.
Huma saħqu li jrid ikun hemm kontroll hekk kif inhu meħtieġ biex kemm ir-residenti kif ukoll kull min iżur ir-raħal pittoresk ikun imħares u protett. Għaldaqstant il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk talab l-għajnuna u s-sapport kollu li għandu jkollhom biex dan isir. Fi stqarrija huma saħqu li dan ma jistax jitwettaq mill-Kunsill Lokali biss għal raġunijiet varji fosthom u primarjament, in-nuqqas kbir ta’ riżorsi u anke minħabba li l-għassa tal-puluzija għadha magħluqa.
Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, ser jirriserva d-dritt li jekk il-linji ta’ direzzjoni, fosthom l-aktar importanti huma spazju rikjest bejn il-bankarelli, l-ammont ta’ nies li jistgħu jinġabru quddiem dawn u allura l- prassi kollha rikjesti u meħtieġa minn kull min ser ikun qed jarma fuq il-monti nhar il-Ħadd li ġej, ma jitħarsux jew ma jiġux imwettqa, allura l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ma tibqagħlu l-ebda għażla oħra ħlief li jirrikorri għal miżuri u deciżjonijiet ulterjuri oħra meħtiega biex din l-imxija pandemika ma tkomplix u jisslavgwardja lir-raħal tiegħu.
Dan ser ikun jgħodd ukoll għar-ristoranti kollha li hawn f’Marsaxlokk.
//= $special ?>