Internazzjonali

COVID-19: Il-Brażil isir is-sitt pajjiż li rapporta aktar minn 20,000 mewta

Il-Brażil sar is-sitt pajjiż fid-dinja li rapporta ‘il fuq minn 20,000 mewta mill-coronavirus (Covid-19). Dan fost it-twissijiet li l-pandemija f’dan il-pajjiż Latin-Amerikan għadu ma laħaqx l-eqqel tiegħu.

Intant, kienu konfermati ‘il fuq minn 310,000 infezzjoni f’dan il-pajjiż – jiġifieri it-tielet l-akbar numru fid-dinja wara l-Istati Uniti u r-Russja.

L-esperti qed jgħidu li n-nuqqas tat-testijiet jistgħu jfissru li l-vera ċifra tal-infettati fil-Brażil kapaċi tkun bil-wisq ogħla milli qed jiżvelaw l-awtoritajiet.

Dan meta l-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, kemm-il darba ċaħad jew ipprova jimminimizza s-sogru mill-coronavirus.

Bolsonaro, fl-aħħar sigħat, kompla jinsisti ħalli jonqsu l-miżuri tal-lockdown imposti mill-Gvernaturi tal-Istat u s-Sindki Brażiljani.

Il-President tal-Brażil qed jagħti priorità assoluta lill-inizjattivi li jqajjmu l-ekonomija ta’ pajjiżu fuq saqajha wara dawn il-ġimgħat ta’ kriżi. Iżda l-aġir diskutibbli tiegħu rigward is-saħħa pubblika wassal diġà għar-riżenji ta’ żewġ Ministri tas-Saħħa fi spazju ta’ xahar.

Iċ-ċifri tal-vittmi mill-coronavirus fil-Brażil qegħdin, ftit jew wisq, ‘jirduppjaw’ f’kull ġimgħatejn. L-istatistika hi tassew allarmanti meta wieħed iqis li l-vittmi tal-virus ( waqt l-eqqel tal-pandemija) kienu rduppjaw f’perjodu ħafna aktar fit-tul f’pajjiżi tal-Ewropa bħal Franza, l-Italja u r-Renju Unit.

Il-Ministru tas-Saħħa proviżorju tal-Brażil, Eduardo Pazuello, qal li waqt li l-livell tal-infezzjonijiet naqas f’ċerti zoni tal-ibliet Brażiljani, il-firxa tal-Covid-19 madwar il-kumplament tal-pajjiż hi ħaġa ‘inevitabbli’.

Il-coronavirus qed jaħkem sew fiz-zoni fqar tal-pajjiż u b’mod partikulari fost il-komunitajiet indiġeni fil-Brażil li huma aktar vulnerabbli għall-infezzjonijiet.

Sadanittant, fil-belt ta’ Sao Paulo – it-tieni l-akbar belt fil-Brażil fejn jgħixu mat-12-il miljun abitant – għaddejja ‘vaganza’ ta’ jiem konsekuttivi bħala tentattiv lejn il-kontroll tal-firxa tal-virus.

Madankollu hemm tħassib li r-residenti ta’ Sao Paulo kapaċi jippruvaw jivvjaġġaw sal-inħawi qalb il-kampanja jew viċin il-kosta ( minflok joqgħodu d-dar) fost il-potenzjal ta’ ‘splużjoni ġdida ta’ infezzjonijiet’.