Futbol Sport

DISA’ SNIN ILU: Floriana jirbħu l-ewwel unur maġġuri wara 17-il sena b’rebħa drammatika kontra Valletta

(Ritratt: Joseph Galea)

22 TA’ MEJJU 2011

Bħal-lum disa’ snin, Floriana kisbu l-unur li kienu ilhom jistennew. Ir-rebħa fil-finali waslet bl-aktar mod delizzjuż kontra r-rivali eterni Valletta u b’gowl fl-aħħar minuti tal-logħba. Inċidentalment, l-aħħar unur maġġuri mirbuħ minn Floriana kien fl-1994 meta fil-finali tal-FA Trophy kienu għelbu proprju lil Valletta 2-1 ukoll b’gowl fl-aħħar.

Dan it-trofew kien ukoll l-ewwel unur mirbuħ taħt il-Presidenza ta’ Johann Said. It-telfa ċaħħdet lil Valletta milli jirbħu l-FA Trophy għat-tieni staġun konsekuttiv, milli jiksbu l-ewwel doppjetta wara 10 snin kif ukoll li jirbħu l-unuri kollha f’dak l-istaġun wara r-rebħ tas-Super Cup u l-kampjonat. Qabel bdiet il-logħba, kien hemm ċerimonja li fakkret ir-rebbieħa tal-passat, bl-FA Trophy tinġarr minn eks plejers tat-timijiet, Anton Camilleri għal Floriana u Carlo Seychell għal Valletta.

Quddiem folla numeruża li mliet l-Enclosure, il-Millenium Stand, il-gowl li ddeċieda l-finali wasal fid-89 minuta. IVAN WOODS inkariga ruħu minn free-kick qrib il-kaxxa l-kbira u b’xutt li kien imxellef, spiċċa għeleb lil Andrew Hogg fost il-ferħ tal-partitarji Furjaniżi.

Mat-tisfira finali, ġustament il-ferħ tal-partitarji ta’ Floriana għal dan is-suċċess tant mistenni. Fuq in-naħa l-oħra, diżappunt fuq il-partitarji ta’ Valletta fejn kien hemm inċidenti mal-Pulizija. Spikka wkoll l-inċident li kien hemm bejn l-attakkant ta’ Valletta Terence Scerri u l-midfielder ta’ Floriana Christian Cassar. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Floriana komplew meta l-captain Furjaniż Manolito Micallef ġie ppreżentat bit-trofew mill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo.

(Ritratt: Joseph Galea)