Internazzjonali

Fil-qosor…L-aħħar żviluppi dwar Covid-19

L-infezzjonijiet  konfermati tal-coronavirus madwar id-dinja issa telgħu għal 5.1 miljuni, bil-mejtin jitilgħu għal kważi 333,000

Il-Messiku, iċ-Ċile u l-Peru huma pajjiżi oħrajn, fil-kontinent Latin Amerikan, li qegħdin isibuha diffiċli biex jikkontrollaw inċidenzi ‘qawwija’ tal-coronavirus.

Kulmin jivvjaġġa lejn ir-Renju Unit jista’ jeħel il-multi f’sitwazzjonjiet fejn jiksru regoli għall-iżolament li, s’issa, għad ma tħabbrux fid-dettall. Sadanittant, l-Awstralja qed tgħid li ċ-ċittadini tagħha li jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit għandhom ikunu eżenti mill-kwarantina ippjanata ta’ ġimgħatejn.

Il-Musulmani madwar id-dinja qegħdin iħejju biex jiċċelebraw l-avveniment tal-Eid li jimmarka t-tmiem tar-Ramadan. Madankollu mhux kull pajjiż jista’ jiċċelebra bħas-soltu minħabba r-restrizzjonijiet għal social distancing li għadhom effettivi.

L-awtoritajiet fir-Repubblika Ċeka testjaw mal-2,500 ħaddiem tal-minjieri u impjegati oħrajn f’zona speċifika, fost rapporti dwar inċidenza tal-Covid-19 fl-inħawi. ‘Il fuq minn 120 miner fis-sit, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Moravja, testjaw pożittiv, fosthom erba’ mill-Polonja li kienu qasmu l-fruntiera biex jaħdmu f’dan il-post.

Il-Gvern tal-Eġittu ħabbar diversi miżuri finanzjarji li għandhom jgħinu biex itaffu l-ħsarat għall-ekonomija mill-pandemija tal-Covid-19. Taħt abbozz ta’ liġi ġdid, kull ħaddiem Eġizzjan se jitnaqqaslu wieħed fil-mija mill-paga, waqt li l-anzjani se jkollhom tnaqqis ta’ 0.5 fil-mija mill-pensjoni.