Lokali

Għat-tielet ġimgħa konsekuttiva nibqgħu ninsterqu fil-prezzijiet tal fuels

Il-Maltin qed iħallsu l-ogħla prezz ta' diesel u t-tieni l-ogħla prezz tal-petrol

Għall-inkompetenza tal-Gvern Laburista, il-poplu Malti qiegħed ikompli jħallas l-ogħla prezzijiet ta’ diesel u petrol. Għaddew il-ġranet mill-appell tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-Gvern iraħħas il-prezz bi 30ċ għal kull litru, iżda l-uniku tweġiba li ngħata l-poplu Malti huwa s-silenzju tal-inkompetenza u ta’ politika ta’ falliment f’dan il-settur.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma Ryan Callus, il-Partit Nazzjonalista qal li fil-mument li l-familji tagħna qegħdin ibatu minħabba dħul ridott, siegħat ta’ xogħol imnaqqsa, telf ta’ impjiegi, ristoranti u bars vojta, il-Gvern qed jagħżel li jagħmel li xi ħadd sinjur mill-bejgħ tal-fuwils minn fuq it-tbatija tan-nies.

Mill-aħħar statistika maħruġa l-bieraħ mill-Kummissjoni Ewropeja, Malta reġgħet ġiet ikkonfermata bl-ogħla prezzijiet tal-petrol u diesel. Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella sabiex mill-illum jitraħħsu l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel bi 30ċ-il litru, biex inħallu madwar Eur15 fil-ġimgħa fil-bwiet tan-nies kull ġimgħa. F’dan il-mument meta wħud mill-familji qed jirritornaw lura x-xogħol, din l-ispiża se tkompli tikber frott l-inkompetenza politika li għaliha magħandux iħallas għaliha l-poplu.