Lokali

Ħadd mhu se jċaħħad lir-residenti tal-Isla mid-drittijiet tagħhom – PN

“Ir-residenti tal-Isla qed ikomplu jbatu mill-inefiċċjenza ta’ dan il-Gvern”. Dan kien il-messaġġ tal-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista tal-Isla Malcolm Gatt b’reazzjoni għall-aħbar li twasslet lill-Kunsill Lokali tal-Isla fil-ġranet li għaddew meta ġew infurmati li l-kumpanija li tiġbor il-borza l-ħadra u l-griża kif ukoll il-ħġieġ għar-riċiklaġġ mhux se tibqa’ toffri dan is-servizz lir-residenti tal-Isla u ta’ lokalita oħra ġewwa Għawdex

Il-Kunsillier Gatt insista li ma jistax ikun lir-residenti tal-Isla jibqgħu jiġu trattati minn dan il-Gvern bħala residenti bi drittijiet inqas minn cittadini Maltin oħra. Huwa qal li wara li l-Gvern mingħajr konsultazzjoni biegħ l-art tagħhom lill-barranin, issa qed jiġu nsulentati billi jiġu mċaħħda minn servizz li ilhom igawdu għal snin sħaħ.

Malcolm Gatt qal li l-Gvern qed jieħu n-nies tal-Isla for granted għaliex għandu moħħu mistrieħ mill-voti. Huwa assigura lir-residenti kollha tal-Isla li minkejja li jinsab fil-minoranza se ikompli jaħdem sabiex il-Gvern Laburista ma jibqax jgħaffeġ fuq ir-residenti Sengleani u se ikompli jara li l-istess residenti jibqgħu jiġu ttrattati b’dinjità u jingħataw dawk is-servizzi li huma tagħhom bi dritt.