Il-Partit Komunista taċ-Ċina qed jattiva liġi kontroversjali dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong, f’pass meqjus bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-kunċett tal-libertà relattiva tal-eks kolonja Britannika.
Il-liġi li tipprojbixxi ‘atti ta’ tradiment, tfixkil lill-Gvern (ta’ Beijing) u attentati biex Hong Kong jitbiegħed mill-influwenza taċ-Ċina’ mistennija tissupera l-poteri tad-deputati f’Hong Kong, li hu reġjun semi-awtonomu.
Il-kritiċi qed jgħidu li t-Tmexxija Ċiniża komunista, permezz ta’ din il-liġi, qed tikser il-wiegħda biex tippermetti livelli ta’ libertà għal Hong Kong li ma jeżistux fi bnadi oħra taċ-Ċina.
L-attivisti favur id-demokrazija, sadanittant, sejħu għal protesti tal-massa biex isemmgħu leħinhom kontra l-liġi li jqisuha bħala miżura li, effettivament, tnaqqar mill-awtonomija ta’ hong Kong. Dan waqt li grupp ta’ dimostranti f’Hong Kong esprimew ir-rabja tagħhom quddiem l-Uffiċċju taċ-Ċina responsabbli mill-komunikazzjonjiet mat-territorju semi-awtonomu.
L-abbozz tal-liġi kontroversjali tressaq waqt il-Kungress Nazzjonali tal-Poplu fiċ-Ċina li, fil-parti kbira, jikkonferma d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu diġà mit-Tmexxija Komunista. Intant, il-Kungress jibqa’ l-aktar avveniment politiku importanti tas-sena fiċ-Ċina.
It-territorju ta’ Hong Kong, fl-aħħar xhur, għadda minn sensiela ta’ protesti kontinwi u vjolenti organizzati minn gruppi ta’ dimostranti lokali. Intant, Beijing, issa, jidher li jrid jixpruna ‘aktar liġijiet iebsa u determinati’ bil-għan li ‘ma jsirux movimenti ta’ protesta simili fil-futur (f’Hong Kong)’.
Il-liġi kontroversjali li tressqet anki heżżet lis-swieq finanzjarji, fosthom il-Hang Seng Index ta’ Hong Kong li, fl-aħħar sigħat, niżel b’ħamsa fil-mija.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern ta’ Hong Kong qal li se jikkoopera mat-Tmexxija Komunista taċ-Ċina biex il-liġi tkun attwata, filwaqt li sostna li din mgħandhiex taffettwa l-libertajiet tar-reġjun.
//= $special ?>