Coronavirus Knisja Lokali

Id-direttivi dwar il-quddiesa tal-funeral iħarsu lejn miżuri ta’ prekawzjoni għas-saħħa

Wara l-laqgħa bejn l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-Knisja b’konsultazzjoni mal-istess awtoritajiet ippubblikat direttivi dwar il-Quddiesa tal-funeral li se jidħlu fis-seħħ mil-lum, il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju, u li dawn se jħarsu l-ewwel u qabel kollox is-saħħa.

Dawn id-direttivi jistabilixxu l-miżuri li qed jittieħdu bil-għan li titħares is-saħħa tal-persuni li jattendu għall-Quddiesa u fl-istess waqt tingħata tislima xierqa lill-għeżież tagħna.

Il-Quddiesa tal-funeral ser tkun tista’ ssir fil-miftuħ bħal f’ċimiterji jew fuq iz-zuntier tal-knisja, jew fi knejjes kbar biss b’numru limitat ta’ nies. Il-knejjes fejn jista’ jsir funeral huma dawk akbar minn 500 metru kwadru filwaqt li n-numru ta’ persuni li jistgħu jidħlu fil-knisja huwa ta’ 20 ruħ.

Fiċ-ċirkustanzi attwali għandha tingħata preferenza liċ-ċelebrazzjonijiet fil-miftuħ. Id-direttivi li qed jiġu ppubblikati fuq il-website tal-Arċidjocesi ta’ Malta knisja.mt jistabilixxu l-proċeduri li jridu jiġu osservati qabel, waqt u wara l-Quddiesa.

Il-post fejn ser issir il-Quddiesa tal-funeral ser jitħejja b’sinjali apposta li jindikaw l-ispazji ‘l bogħod minn xulxin fejn in-nies jistgħu joqogħdu waqt iċ-ċelebrazzjoni liturġika.

Mal-wasla, persuna liebsa maskra jew vizor ser tieħu t-temperatura bl-użu ta’ termometri li ma jeħtiġux kuntatt mal-persuna, u wara tindikalhom l-użu tal-hand sanitizer li ser ikun disponibbli.

Persuni bid-deni jew li ma jikkoperawx mhux ser jitħallew jidħlu għall-Quddiesa. Waqt il-Quddiesa fl-ebda ħin m’għandu jkun hemm kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra, lanqas fl-għoti tal-paċi.

Għat-Tqarbin, il-persuni jintalbu jibqgħu f’posthom u jkun is-saċerdot li jmur iqarben fl-idejn lil dawk preżenti b’maskra jew vizor u wara li jkun ħasel idejħ bis-sanitizer.

L-istqarrija ta’ fidi fejn is-saċerdot jgħid “Il-Ġisem ta’ Kristu” u l-persuna li qed titqarben twieġeb “Ammen” tingħad darba biss minn fuq l-artal. Fi tmiem il-Quddiesa, dawk preżenti għall-funeral iridu joħorġu b’mod ordnat u b’ħarsien tal-miżuri ta’ distanza soċjali.

Wara l-Quddiesa ssir id-diżinfestazzjoni tal-bankijiet jew tas-siġġijiet. Il-miżuri dettaljati ta’ prevenzjoni ta’ tixrid tal-imxija tal-coronavirus ġew ikkomunikati lill-kappillani mill-Isqfijiet fil-jiem li għaddew