Edukazzjoni Lokali Transport

Iktar eżamijiet relatati mal-Industrija Marittima se jinżammu fl-uffiċini ta’ Transport Malta

L-eżamijiet għaċ-ċertifikat ta’ kompetenza għall-ekwipaġġ ta’ bastimenti kummerċjali ser jibdew isiru mill-Uffiċini ta’ Transport Malta. L-Awtorità se tamministra dawn l-eżamijiet mill-bidu sal-aħħar. 

Għal dawn l-aħħar snin, l-eżamijiet kienu jsiru fl-MCAST u l-istudenti kellhom japplikaw hemm, biex imbagħad jiġbru l-liċenzja minn Transport Malta.

Għaldaqstant il-pubbliku issa ser jinqeda minn post wieħed.Fost l-eżamijiet li ser isiru Transport Malta insibu tal-Gverta (Deck), tal-Barklori (Boatman), tal-Kaptana (Boatmaster / Master) u l-uffiċjali (Mate).

Hemm ukoll l-eżamijiet abbinati mal-inġinjerija fosthom tal-inġiniera u s-sewwieqa tal-magni (Engine Driver). L-eżamijiet ser isiru fl-uffiċini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija. Mhux ser ikun hemm l-ebda bidla fl-eżaminaturi, il-miżata tal-applikazzjoni jew fl-eżami nnifsu. 

Dan l-iżvilupp qed iseħħ wara li iktar kmieni Transport Malta ħadet f’ideja b’suċċess l-amministrazzjoni tal-eżamijiet tal-Liċenzja Nawtika. Iċ-ċentri tat-taħriġ jew individwi għandhom japplikaw mad-Dipartiment tal-Ports Commercial fl-uffiċini ta’ Ħal Lija.

Dan id-dipartiment diġa’ kien joħroġ il-liċenzji, iżda żdiditlu r-responsabbilta’ tal-koordinament amministrattiv tal-eżamijiet bħall-iskeda tal-eżamijiet u oħrajn. Din hija inizjattiva oħra ta’ Trasport Malta biex tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-pubbliku.

Għal aktar informazzjoni il-kandidati prospettivi jistgħu jikkuntattjaw id-Dipartiment tal-Ports Commercial fuq certificationpyd.tm@transport.gov.mt jew iċemplu fuq wieħed minn dawn in-numri: 2555 5000 / 2122 2203.