Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Il-Bank Ċentrali jikkonferma tnaqqis fl-attivitá ekonomika, żieda fil-qagħad u fl-għoli tal-ħajja

Fil-ħarġa tagħha tar-rivista tal-Bank Ċentrali ġie kkonfermat li fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 kien hemm nuqqas fl-attività ekonomika li qed tissejjaħ bħala waħda ta’ djufija, żieda fil-qagħad u żieda fl-għoli tal-ħajja.

Naqas ukoll bil-kbir is-sentiment ekonomiku fis-setturi kollha. Fl-aġġornament ekonomiku li għadu kif ġie pubblikat il-biċċa l-kbira dan irrefera għal Marzu 2020, meta bdew ifeġġu l-każijiet tal-COVID-19 f’Malta u żdiedu l-miżuri ta’ trażżin relatati.

L-impatt tal-pandemija huwa evidenti wkoll fl-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku (ESI) tal-Kummissjoni Ewropea u fl-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tanNegozju (BCI) għal April.

F’April il-BCI tal-Bank Ċentrali ta’ Malta naqas meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. Dan it-tnaqqis jimplika livelli ta’ attività ekonomika notevolment aktar dgħajfin mill-medja storika.

Bl-istess mod, l-ESI naqas drastikament. Kien hemm tnaqqis fis-sentiment fis-setturi kollha, bl-ikbar tnaqqis irreġistrat fis-setturi tas-servizzi u l-kostruzzjoni.

F’Marzu, l-attività fit-turiżmu naqset sew b’riżultat tal-miżuri ta’ trażżin u l-projbizzjoni sussegwenti fuq vjaġġar introdotta fil-21 ta’ Marzu b’reazzjoni għall-COVID19.

Kien hemm tnaqqis ukoll fil-volum tal-bejgħ bl-imnut, għalkemm dan kien bil-wisq inqas minn dak fl-attività fit-turiżmu. Sadanittant batta t-tkabbir fil-produzzjoni industrijali.

In-numru ta’ nies qiegħda rreġistrati żdied f’Marzu. Madankollu, ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika. L-inflazzjoni għall-konsumatur telgħet bi ftit f’Marzu, għalkemm baqgħet f’livelli baxxi, bir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur titla’ għal 1.2%.

Bl-istess mod, l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet bi ftit għal 1.1%. Il-pubblikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn l-iżviluppi fil-finanzi pubbliċi u tinnota li ddefiċit fuq il-Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel ma’ sena qabel, parzjalment minħabba d-deċiżjoni tal-Gvern li jiddifferixxi l-ġbir ta’ numru ta’ taxxi fid-dawl tal-COVID19.

Il-pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu sa l-aħħar ta’ Marzu b’reazzjoni għall-COVID19. Il-valur tas-self lill-familji u kumpaniji soġġett għal moratorju fl-aħħar tax-xahar kien ta’ €487.0 miljun, ekwivalenti għal 4.5% tas-self pendenti relatat.