Lokali

“Il-kirjiet jibqgħu problema kbira” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jrid li kull Malti jkollu d-dritt li  jgħix b’mod sigur ġewwa daru.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Adrian Delia waqt laqgħa virtwali li saret mal-Home Owners Association. Din l-assoċjazzjoni twaqqfet madwar sentejn ilu fejn sal-lum tilqa’ fiha 9,000 membru.

Matul din il-laqgha, l-Assoċjazzjoni tkellmet dwar id-dritt ta’ kull persuna li tgħix f’darha mingħajr ebda inkonvenjent ikkaġunat minn konstruzzjoni li tkun qed issir fil-viċinanzi. Dan apparti d-dritt ta’ kulħadd jgħix f’daru mingħajr ħsieb li jista’ jkun hemm xi tip ta’ periklu.

Urew wkoll it-tħassib tagħhom li sidien ta’ propjetà li biswit r-residenza tagħhom ikun qiegħed isir xoghol ta’ kostruzzjoni m’għandhomx fuq min iduru u biex jissalvagwardjaw d-drittijiet taghhom ikollhom jonfqu mijiet ta’ euro f’konsulenzi u rapporti. Għalhekk huma pproponew li għandu jsir qafas fejn kull sid ta’ dar ikun jista jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu mingħajr ma jidħol fi spejjeż żejda.

Fl-istess laqgħa ġew diskussi wkoll il-prezzijiet tal-kirjiet fejn anke familji b’pagi medji qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-prezzijiet tal-kera.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa importanti wkoll li jkun hemm bilanċ bejn l-interessi tal-iżviluppaturi u l-interess tal-pubbliku inġenerali. Għalhekk għandu jkun assigurat li l-liġi tkun osservata minn kulħadd.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputati Nazzjonalisti Toni Bezzina, Kevin Cutajar u David Thake.