Lokali

Il-PN jiddeplora kummenti dispreġġjattivi min-nies maħtura mill-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora l-kliem insensittiv tar-rappreżentant tal-Prim Ministru fil-Kunsill tal-Università ta’ Malta.

Id-diskors ta’ Reno Calleja fuq Facebook ma kienx biss dispreġjattiv fil-konfront ta’ sezzjoni kbira tal-poplu Malti li jappoġġja l-partit tal-għażla tiegħu iżda kien ukoll diskors insensittiv ħafna lejn min f’dawn il-ġranet qed jidfen lil qrabatu.

Fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli, il-PN qal li Reno Calleja għandu jitlob apoloġija minnufih tad-diskors dispreġġjattiv u insensittiv li qal u għaliex ma kienx denju tal-kariga pubblika li jokkupa.

Din mhux l-ewwel darba li diskors insensittiv u dispreġġjattiv sar min-nies maħtura mill-Gvern. Mario Azzopardi attakka personalment b’mibegħda lill-Membru tal-Parlament Ewropew tal-PN Roberta Metsola u Tony Zarb kiteb kummenti pubbliċi ta’ mibegħda fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wara li ġiet assassinata. Wara dan il-kumment ta’ Zarb, l-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni biex il-Parlament jiddibatti r-revoka ta’ Ġieħ ir-Repubblika li kien ingħatalu.