Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Jekk indumu… nispiċċaw fi traġedja”

Hemm bżonn ta’ pjan serju għall-wara li tgħaddi l-pandemija. Dan sabiex ebda student ma jaqa’ lura.

Sentiment komuni minn diversi professjonijisti li aktar kmieni din il-ġimgħa ħadu sehem f’diskussjoni virtwali organizzata mill-Malta Foundation for the Wellbeing of Society dwar kif il-Covid-19 affettwat is-sistema tal-Edukazzjoni f’Malta.

Il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca fetħet din il-Konferenza billi esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-fatt illi dan il-perjodu jista’ jaffettwa aktar ir-rati tal-early school leavers. Saħqet li jekk nittardjaw fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet fl-edukazzjoni ta’ uliedna nkunu aħna stess li qed nfasslu traġedja.

Diversi studenti li ħadu sehem f’dan is-seminar qalu li qed isibuha diffiċli biex jaddattaw anke minħabba li tfarrket ir-rutina tal-ħajja soċjali li kienu mdorrijin biha. L-istess bħalma ġralhom il-ġenituri, fejn spiċċaw iridu jilbsu l-kappell tal-għalliema wkoll.

Il-President tal-Union tal-Għalliema Marco Bonnici qal li din is-sitwazzjoni li ninsabu għaddejjin minnha bħalissa se tħalli impatt dejjiemi. Min-naħa tiegħu, il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista u Minority leader fil-lokalita ta’ B’Kara Justin Schembri, qal li għandu jkun hemm struttura lineari għal kull skola sabiex ikun faċilitat it-tagħlim u l-istudenti jkunu mgħejjuna jsegwu b’aktar faċilita. Dan sabiex ebda student ma’ jibqa’ lura.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli attenda għal dan il-webinar sabiex ikompli jisma’ t-tħassib u l-opinjonijiet tal-istakeholders kollha involuti f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.