Internazzjonali

Diversi mejtin fost it-tiġrif ta’ ajruplan tal-passiġġieri fil-Pakistan

Numru mhux determinat ta’ persuni tilfu ħajjithom fit-tiġrif ta’ ajruplan tal-passiġġieri – tat-tip Airbus – tal-Pakistan International Airlines. It-traġedja seħħet waqt titjira minn Lahore lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Jinnah, bl-ajruplan jiġġarraf qalb distrett residenzjali ta’ Karachi.

Fuq l-ajruplan, dak il-ħin, kien hemm 91 passiġġier u ekwipaġġ ta’ tmienja. Filwaqt li ma ngħatawx ċifri tal-vittmi, kien hemm konferma li mietu talanqas 11, fost l-istennija li ċ-ċifra finali tal-mejtin tkun ferm ogħla. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet qed ifittxu għal vittmi potenzjali qalb il-fdalijiet ta’ djar meqruda, wara li dawn intlaqtu direttament mill-ajruplan.

L-ewwel membri tas-servizzi tal-emerġenzi li waslu fis-sit tat-tiġrif sabu quddiemhom xeni mill-aktar devastanti.

Ir-rapporti qalu li l-ajruplan – A320 AP-BLD – kien qed iħejji għall-inżul fl-ajruport ta’ Jinnah ( fost l-aktar ajruporti attivi fil-Pakistan) meta niżel f’daqqa lejn l-art, bit-tiġrif iseħħ qrib neighbourhood ta’Karachi. Dan wara li l-pilota tal-ajruplan kien tilef il-kuntatt mal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru.

L-ewwel nies fuq il-post tal-emerġenza kienu suldati ta’ taqsima għal rapid reaction li mal-ewwel bdew jgħinu fl-isforzi tas-salvataġġ. Huma u gruppi ta’ voluntiera qegħdin ifittxu għan-nies qalb it-tifrik fiz-zona, waqt li l-awtoritajiet f’Sindh — il-provinċja ta’ Karachi fejn seħħet it-traġedja — iddikjaraw emerġenza fl-isptarijiet lokali kollha.

Il-kaġun tal-inċident għadu mhux iddeterminat, meta kien magħruf biss li l-pilota tal-Airbus, sekondi qabel it-tiġrif, kien informa lill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru li ‘l-ajruplan kien għaddej minn xi diffikultajiet tekniċi’.

It-tiġrif kellu jseħħ ġranet biss wara li l-Pakistan fetaħ mill-ġdid għal titjiriet kummerċjali wara l-lockdown fil-pajjiż dovut għall-infezzjonijiet bil-coronavirus.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Pakistan, Imran Khan, esprima ‘is-sens ta’ xokk u dispjaċir għat-traġedja’ u wiegħed li ssir investigazzjoni immedjata taċ-ċirkustanzi.