Ambjent Lokali

“L-iskart huwa riżorsa” – PN

Pajjiżna m’għandux jibqa’ jarmi l-iskart imma għandu jirriċiklah u jużah bħala riżorsa.

Hekk stqarr il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent David Thake waqt żjara li saret fl-impjant tal-Wasteserve fil-Magħtab….fejn delegazzjoni tal-PN kellha wkoll laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tal-Wasterserve u mal-Ministru responsabbli minn dan is-settur, Aaron Farrugia.

Il-bdiewa tal-Magħtab għandhom raġun jinsistu li l-Gvern jista’ u għandu juża siti alternattivi għall-bini tal-impjanti għall-immaniġġjar tal-iskart mill-Wasteserv. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tappoġġja kull impenn biex f’Malta nnaqsu (reduce), nerġa’ nużaw (reduce) u nirriċiklaw (recycle) l-iskart, qed ninsistu wkoll li l-espansjoni tal-kumpless fil-Magħtab mhix xi ħaġa lesta u diġà deċiża.

Ta’ min ifakkar li r-regoli Ewropew jisħqu fuq żewġ pilastri importanti meta Gvern ikun qed jippjana kif se jwettaq il-politika tal-immiġġjar tal-iskart. Dawn huma l-ħtieġa ta’ Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (SEA) u Stima tal-Impatt Ambjentali (EIS).

Huwa għal kollox skorret u inaċċettabbli li grupp ta’ hekk imsejħa “esperti indipendenti” qabdu u għażlu siti b’mod mill-aktar laxk u arbitrarju għax skont huma l-iskart diġà jintrema’ l-Magħtab. Dan mhux proċess trasparenti u ġust u l-Partit Nazzjonalista mhux se japprovah.

Id-Direttiva dwar Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (SEA) li hija parti mil-liġo Maltija tagħmilha ċara li l-pjani u miżuri fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskar għandhom ikunu suġġetti għal SEA. Dan ifisser li l-istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart trid tiġi emendata biex tirrifletti l-investimenti li se jsiru u b’hekk trid isir l-istudju dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali. Huwa dan l-istudju li għandu jidħol fil-mertu dwar is-sit propost u jesprimi opinjoni vera indipendenti.

Huwa wara li l-proċess tal-ippjanar għal dawn il-faċilitajiet ikun ‘approvat’ mill-SEA li l-Wasteserv għandha tissottometti l-applikazzjoni quddiem l-Awtorita’ tal-Ippjanar. Dan mill-ewwel jiskatta l-Environmental Planning Statement (EPS) u dan għandu jwassal għal evalvazzjoni indipendenti tas-siti fejn vera jistgħu jinbnew dawn il-faċilitajiet.

Fil-każ tal-Inċineratur, il-Ministru tal-Ambjent diġa qal li dan għandu jsir il-Magħtab skont il-parir ta’ esperti indipendenti iżda dan qalu mingħajr ma l-Environmental Planning Statement għadu beda. Dan juri biċ-ċar li l-proċess huwa wieħed ivvizzjat. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-‘esperti’ li qabbad il-Gvern għandhom jippubblikaw għala l-proġett għandu jsir il-Magħtab u mhux band’oħra.

L-evalwazzjoni dwar siti alternattivi għandha tkun wiesa’ biex kull alternattiva għall-Magħtab tkun studjata bir-reqqa ukoll. Li wieħed jippreferi l-Magħtab għax is-siti l-oħra mhux tajbin ma jiġġustifikax li l-Magħtab hu l-aħjar sit.

Dan hu l-għala l-bdiewa u diversi stakeholders oħra qed jitolbu biex siti oħra jkunu studjati sew. Qed jinsisti dwar dan għax jidher ċar li l-Gvern irid jgħaddi gaffa minn fuqhom għax id-deċiżjoni ttieħdet diġa bla ma sar l-ebda studju. Dan kollu jmur kontra d-direttivi li jirregolaw l-immaniġġjar tal-iskart.

David Thake rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Wasteserv u dawk tal-kuntratturi li jiġbru l-iskart għall-isforzi tagħhom f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ emerġenza medika. Dawn il-ħaddiema huma parti important mill-frontliners ta’ pajjiżna.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kif ukoll il-Kunsilliera Janice Chetcuti.