Mario Fava, il-President tal-AKL (l-Assoċjazzjoni għall-Kunsill Lokali) kiteb ittra lill-Ministri Josè Herrera u Aaron Farrugia fejn ta x’jifhem li l-Gvern ilu jfalli bil-kbir fil-qasam tal-ġbir tal-iskart u b’riżultat ta’ dan qed ibatu r-residenti ta’ numru ta’ lokalitajiet.
Fl-istess komunikat huwa kien qiegħed jirreferi għan-nuqqas li l-kumpanija WasteServ imponiet fuq il-Kunsilli Lokali tal-Isla u l-Fontana, hekk kif ħabbret li l-ġbir tal-borża l-griża u l-ħadra kif ukoll il-ħġieġ mhux ser jibqgħu jiġu miġbura.
Mario Fava, li hu wkoll membru fl-amministrazzjoni Laburista, qal li l-Kunsilli mhux jingħataw għajnuna u mhux talli hekk biss talli wkoll il-Kunsilli spiċċaw iħallsu l-ġabra li suppost kellha tibqa’ ssir, huma stess. Il-Kunsilli dan għamluh biex jibqgħu jagħtu servizz lil-lokalitajiet.
Il-President tal-AKL ċanfar bil-kbir dak li qed jiġri f’dan il-qasam u u ta x’jifhem li mhux ser iħalli lil min iħalli s-sistema tfalli sabiex jeħlu l-Kunsilli Lokali u s-sistema tiġi ċentralizzata.
Fl-aħħar jiem sorsi ta’ Net News qalulna wkoll li kien hemm numru ta’ Kunsilli Lokali li kellhom l-istess problema mal-GreenMT, fejn din l-istess kumpanija naqset jiem ta’ ġbir ta’ skart f’numru ta’ lokalitajiet rispettivi, fosthom il-Fgura, il-Floriana u Ħad-Dingli.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali temm l-ittra tiegħu billi appella lill-Gvern u lill-Awtoritajiet tiegħu li “is-sapun qiegħed hemm biex nibqgħu ndaf u ma nxerdux il-virus corona mhux sabiex nużawh bħala mezz biex niżolqu mill-isfidi u nħallu virus ieħor jirkibna”.
//= $special ?>