Coronavirus Ekonomija Lokali

Tal-monti ramaw, u ħafna mill-ħwienet tal-ikel fetħu

...oħrajn xorta għażlu li ma jiftħux għalissa

Wara ġimgħat magħluqa minħabba l-pandemija, il-kafeteriji u r-ristoranti mil-lum reġgħu fetħu l-bibien tagħhom. Dan fl-isfond ta’ talbiet ripetuti mill-infermiera, it-tobba u professjonisti medici sabiex il-ftuħ ma jsirx issa, iżda jiġi pospost b’ġimgħatejn.

Minkejja dan l-appell, il-Gvern baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu li jkompli jiftaħ ċertu attivita’ kummerċjali.

Fost dawk li fetħu, kien hemm wkoll in-nail technicians, beuticians, barbiera, u hairdressers.

Triq ir-Repubblika fl-ewwel jum li fetħu l-istabbilimenti

Fil-Belt, uħud mill-bejjiegħa tal-monti reġgħu ramaw il-bankarelli tagħhom. U għalkemm ħafna mill-istabbilimenti tal-ikel fetħu, kien hemm ristoranti illi xorta għażlu li jibqgħu magħluqin.

Stabbilimenti tal-ikel f’diversi zoni meqjusa “turistiċi” kollha jinsabu lesti biex illejla jilqgħu n-nies. Dawn jinkludu ristoranti f’Tas-Sliema, San Ġiljan, Buġibba, il-Qawra u Marsaxlokk.

Matul il-jum, l-aktar popolari kienu l-kafeteriji fejn uħud ħatfu l-okkażjoni biex jerġgħu jesperjenzaw te’ jew kafe’ serut lilhom kif kienu jieħdu sa xahrejn ilu.