Futbol Sport

Titħabbar il-mewt tal-eks kowċ Gigi Simoni

(Ritratt: EPA)

Il-futbol Taljan jinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Gigi Simoni fl-età ta’ 81 sena. F’Ġunju tas-sena l-oħra, Simoni sofra minn attakk f’qalbu f’daru u baqa’ kundizzjoni kritika minn dakinhar. Karriera ta’ plejer u kowċ li damet 55 sena li matulhom stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar uċuħ importanti fil-futbol Taljan.

Simoni beda l-karriera bħala plejer ta’ Mantova fl-1959, b’karriera wkoll ma’ Napoli, Torino, Juventus, Brescia, qabel spiċċa l-karriera ma’ Genoa fl-1974. Hu baqa’ mar-Rossoblu biex beda l-karriera ta’ kowċ.

B’kollox mexxa kważi 20 tim bħala kowċ, bl-aktar esperjenza li tispikka tkun dik ma’ Inter fl-istaġun 1997/98. F’dak l-istaġun, Simoni mexxa lil Inter għar-rebħ tat-Tazza UEFA filwaqt li f’dak il-kampjonat spikka d-dwell ma’ Juventus fosthom fil-konfront dirett.

Simoni mexxa dejjem klabbs fl-Italja b’eċċezzjoni għall-istaġun 2001/02 meta kien sar kowċ ta’ CSKA Sofia fil-Bulgarija. Gigi Simoni għandu wkoll ir-rekord tal-aktar kowċ li kiseb promozzjonijiet għas-Serie A, b’total ta’ sebgħa, tnejn ma’ Genoa, Brescia, tnejn ma’ Pisa, Cremonese u Ancona.