Lokali Qorti

Kien jisraq għax m’għandux x’jiekol

Raġel ta’ 57 sena mill-Belt li meta tressaq il-Qorti fl-1 ta’ April li għadda kien qal li kien qed jisraq minn diversi ħwienet għax ma kellux x’jiekol, iżda fl-istess waqt meta kien ġie mistoqsi jekk hux ħati jew le, wieġeb li huwa ma kienx ħati ġie kundannat tmien ħabs wara li issa ddeċieda li jammetti.

Mario Grima li ammetta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud wkoll li kiser il-provedimenti tal-libertà kundizzjonata ammetta li seraq oġġetti bħal alkoħol, ċikkulata, nuċċali u żebgħa minn diversi ħwienet.

Meta tressaq taħt arrest huwa kien qal fil-Qorti – “Il-ġuħ iġielgħek tagħmel kollox.” Il-Maġistrat Victor Axiaq, li kien sema’ l-każ dak inhar jgħidlu li s-soluzzjoni mhijiex is-serq.

F’perjodu ta’ ħames xhur huwa wettaq ħames serqiet ‘żgħar’ minn stabbilimenti, negozji u residenza ġewwa l-Belt Valletta. Grima ammetta li wettaq dawn ir-reati bejn il-25 ta’ Ottubru, 2019 u l-31 ta’ Marzu, 2020.

Huwa seraq darbtejn mill-Food Market tas-Suq tal-Belt, liema serq kien jikkonsisti f’żewġ fliexken Whiskey u flixkun Amaretto. Ammetta wkoll li fid-19 ta’ Diċembru li għadda huwa seraq ċikkulata li l-valur tagħha hija ta’ €10.90 u li fil-25 ta’ Ottubru 2019 seraq nuċċali li jiswa €89 milll-istabbiliment P. Muscat Opticians.

L-Ispettur Priscilla Caruana li mexxiet il-Prosekuzzjoni qalet li Grima kien diġa’ ngħata l-libertà proviżorja u qalet li l-imputat kien ingħata ċans ieħor fi Frar li għadda wara li kien instab ħati li seraq fwieħa u kien ingħata ċ-ċans li jħallasaha.

L-Ispettur ukoll qalet li kieku ma kellux x’jiekol, ma kienx jisraq il-fliexken tal-whisky li nstabu fir-residenza tiegħu. Qalet ukoll li ma jistax ikun li l-affarijiet jibqgħu għaddejjin b’dan il-mod u huwa d-dmir tagħna li s-soċjetà tkun protetta.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Christopher Chircop qal li Grima għandu bżonn l-għajnuna. F’dan il-kuntest il-Qorti qalet li l-piena għandu jkollha effetti riedukattivi u korrezzjonali fuq il-ħati.

Biex dan l-għan jintlaħaq, il-ħati għandu jsib dawk l-istrutturi maħsuba mill-Istat biex ikun jista’ jwettaq dan il-perkors rijabilittativ u jiġi mgħejjun itejjeb l-imġieba tiegħu b’mod li għalhekk ikun jista’ jerġa jiġi reintegrat fis-soċjeta.

Dan billi jiġi riedukat, imħeġġeġ jiżviluppa t-talenti u l-abbiltajiet tiegħu, inkoraġġit jaħdem biex ikollu biex jerġa jibni ħajtu u jgħix diċenti, ma jkollux għalfejn jiddelinkwi u jkollu wkoll minn fejn jagħmel tajjeb għad-danni li jkun ikkawċa b’egħmilu.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li fuq ammissjoni tiegħu stess qed isib lil imputat ħati ta’ l-akkuzi kollha migjuba fil-konfront tiegħu u tikkundannah seba’ xhur priġunerija u xahar ieħor dwar il-ksur ta’ provediment tal-libertà kundizzjonata mogħtija lilu. Minn tmien xhur priġunerija l-Qorti qalet ukoll li jrid jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel taħt arrest preventiv.