Lokali

Żewġ żgħażagħ arrestati fil-Gżira wara sejba ta’ droga u flus kontanti

Żewġ żgħażagħ ġew arrestati fil-Gżira wara li fil-pusses tagħhom waqt li kienu f’karozzaq allegatament instabet droga sintetika u ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Instabet ukoll aktar droga wara tfittxija li saret f’lukanda fejn kienet alloġġata l-koppja.

Ġuvni ta’ 22 sena residenti l-Ħamrun u tfajla ta’ 21 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, ilbieraħ filgħaxija ġew arrestati wara ħidma oħra ta’ suċċess mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Drogi.

Wara jiem ta’ osservazzjoni, ilbieraħ, għall-ħabta tas-7.00pm., il-Pulizija ċċirkondaw il-karozza li kienu fiha ż-żewġ żgħażagħ, fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. Minn tfittxija li saret fuq il-ġuvni instabu mal-50 pakkett suspettata droga sintetika, kif ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Minn aktar stħarriġ illi sar irriżulta li ż-żewġ żgħażagħ kienu qed joqogħdu f’kamra f’lukanda fl-istess akwati. Għaldaqstant saret tfittxija fil-kamra, fejn hemmhekk il-Pulizija sabu sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, miżien u affarijiet oħra relatati mad-droga.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u mhux eskluż li dawn jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.