23 TA’ MEJJU 2010
Valletta pattew għad-diżappunt li ma rebħux il-kampjonat meta fil-finali għelbu lil Qormi 2-1 biex rebħu l-FA Trophy għat-12-il darba. Għal Valletta dan kien l-ewwel suċċess fil-kompetizzjoni wara nuqqas ta’ disa’ snin. Fuq in-naħa l-oħra, Qormi kienu qed jilagħbu l-ewwel finali tagħhom fl-istorja.
It-tim ta’ Ton Caanen fetaħ l-iskor wara seba’ minuti meta Njongo Priso sab lil MICHAEL MIFSUD li kkontrolla tajjeb fuq sidru u skorja b’xutt fil-baxx. L-iskor sar 2-0 fil-21 minuta bi kross ta’ Roderick Briffa isib lil TERRENCE SCERRI li wara li d-dar ma’ difensur għeleb lil Matthew Farrugia.
Fit-tieni taqsima, Valletta kellhom iċ-ċans li jagħlqu l-logħba b’ħarba ta’ Priso fuq ix-xellug, bl-istess plejer jitwaqqa’ minn Stephen Wellman. Iżda mill-penalty, l-istess Priso xeħet għoli. Qormi rnexxielhom jidħlu fil-logħba fit-82 minuta b’fawl fil-kaxxa fuq CAMILO DA SILVA SANVEZZO, bl-istess plejer jegħleb lil Hogg mill-penalty. Ftit wara xutt ta’ Alfred Effiong ġie mbiegħed minn fuq il-linja.
Valletta rnexxielhom jiddefendu l-vantaġġ minimu sat-tmiem biex b’hekk kisbu t-tieni unur tal-istaġun wara r-rebħ tal-100th League Anniversary Cup. Wara l-partita, il-captain ta’ Valletta Gilbert Agius ġie ppreżentat bl-unur mill-President tal-MFA Joe Mifsud.
//= $special ?>