Futbol Sport

13-IL SENA ILU: Milan Champions tal-Ewropa għas-seba’ darba fl-istorja

(Ritratt: EPA)

23 TA’ MEJJU 2007

Tlettax-il sena ilu, Milan saru Champions tal-Ewropa għas-seba’ darba fl-istorja tagħhom. Ir-rebħa ta’ 2-1 kontra Liverpool f’Ateni, kienet it-tpattija sportiva ta’ dak li seħħ sentejn qabel. Dakinhar Liverpool kienu rebħu l-UEFA Champions League kontra Milan wara li rkupraw tliet gowls minn taħt.

Milan marru fil-vantaġġ eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta free-kick ta’ Andrea Pirlo ħabat ma’ FILIPPO INZAGHI u qarraq bil-gowlkiper Pepe Reina. L-istess FILIPPO INZAGHI rdoppja fit-82 minuta meta għeleb in-nasba tal-offside u ltaqa’ ma’ passaġġ ta’ Kaka biex dar ma’ Reina u xeħet f’xibka vojta.

Liverpool daħlu fil-logħba fid-89 minuta, b’DIRK KUYT jixħet fix-xibka mill-viċin wara daqqa ta’ ras ta’ Daniel Agger. Sfortunatament għalihom, kien fadal ftit ħin biex isalvaw il-logħba. Wara l-logħba, il-President tal-UEFA Michel Platini ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Milan Paolo Maldini.