Futbol Sport

Borussia Dortmund jittamaw li jżommu l-pressjoni fuq Bayern Munich

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions Bayern Munich se jkunu qed ifittxu li jersqu pass ieħor lejn ir-rebħ tat-tmien kampjonat konsekuttiv meta llum jilqgħu lil Eintracht Frankfurt. Huma żammew il-vantaġġ ta’ erba’ punti l-ġimgħa li għaddiet b’rebħa fuq Union Berlin filwaqt li Eintracht Frankfurt tilfu kontra Borussia Mönchengladbach u għadhom mhux ċert mis-salvazzjoni.

L-għan ta’ Borussia Dortmund hu li jkomplu jpoġġu l-pressjoni fuq il-leaders. Il-konfront tagħhom hu pjuttost diffiċli kontra Wolfsburg, tim li bħalissa jinsab fis-sitt post u bħalhom rebaħ il-ġimgħa li għaddiet. Fir-ritorn tal-Bundesliga, Borussia Dortmund għelbu lil Schalke b’wirja konvinċenti u l-kowċ Lucien Favre żgur jittama li t-tim ikompli jibni fuq dik il-prestazzjoni.

Logħba oħra interessanti hi dik bejn Borussia Mönchengladbach u Bayer Leverkusen. It-tim ta’ Marco Rose jinsab fit-tielet post u ġej minn rebħa ta’ 3-1, filwaqt li Leverkusen jinsabu fil-ħames post żewġ punti warajhom. Għalhekk minbarra li hu konfront importanti għat-taqtigħa għar-rebħ tal-Bundesliga hu wkoll konfront importanti għal min se jikseb post fil-UEFA Champions League staġun ieħor. Leverkusen rebħu kontra Werder Bremen 4-1 t-Tnejn li għadda.

Bundesliga

Ilbieraħ: Hertha Berlin v Union Berlin 4-0

Illum: Borussia Mönchengladbach v Bayer Leverkusen 3.30pm, Freiburg v Werder Bremen 3.30pm, Paderborn v Hoffenheim 3.30pm, Wolfsburg v Borussia Dortmund 3.30pm, Bayern Munich v Eintracht Frankfurt 6.30pm

Għada: Schalke v Augsburg 1.30pm, Mainz v Leipzig 3.30pm, Cologne v Fortuna Düsseldorf 6.00pm