Coronavirus Lokali

“Bżonn ta’ risk assessments kontinwi u kawtela biex ma jitkissirx ix-xogħol li diġà sar” – MFPA

“Hu importanti li l-awtoritajiet kompetenti jassiguraw li inizjattivi biex terġa’ titqajjem l-ekonomija ma jiddaħlux qabel il-waqt u ma jxejnux ix-xogħol tant tajjeb tas-Suprintendenza tas-Saħħa Pubblika s’issa”.

Hekk qalet il-Federazzjoni Maltija tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali, fi stqarrija, fejn insistiet li ekonomija b’saħħitha għandha bżonn ħaddiema b’saħħithom.

Kompliet tgħid li risk assessment kontinwu jassigura s-salvagwardja tal-ħaddiem.

Importanti, kompliet tgħid il-Federazzjoni, li l-pubbliku jasallu messaġġ wieħed b’saħtu u li ma jħallix lok għal dubji, aktar u aktar meta esperti tal-mard infettiv qed jgħidu li r-riskju li jiżdied ix-xogħol fil-qasam tas-saħħa bil-laxkar ta’ miżuri għadu preżenti.

Fl-istqarrija, il-Federazzjoni saħqet li l-Gvern għandu jpoġġi kontroll u sistemi ta’ infurzar biex isegwu l-attivitajiet li qed jerġgħu jibdew, filwaqt li jibqgħu jinżammu l-prattiċi tajbin li kienu introdotti ħalli tkun imrażżna l-firxa tal-virus.

L-istqarrija tkompli tgħid li hu kruċjali li nibqgħu nimxu mal-pariri tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

Il-Federazzoni appellat biex il-Gvern jikkonsulta mal-organizzazzjonijiet ħalli jittieħdu deċiżjonijiet fl-interess tal-pubbliku.

L-istqarrija temmet tgħid li jrid ikun hemm bilanċ tajjeb bejn kwistjonijiet ta’ ekonomija u dawk ta’ saħħa biex noħorġu minn din il-pandemija b’saħħitna kemm jista’ jkun.