Wara eżatt 65 jum magħluqin, ilbieraħ reġgħu fetħu bi ħġarhom il-bibien ħafna ristoranti, salons tax-xagħar u tas-sbuħija, u għadd ta’ stabbilimenti oħra.
Wara tlettt ijiem li fihom is-sidien ħadmu bla heda biex l-istabbiliment tagħhom jarmawh skont il-linji gwida maħruġa, u wara li għamlu investimenti kbar biex ikunu ċerti li jissalvagwardjaw is-saħħa kemm tal-impjegati, imma anke dik ta’ kull min jagħmel użu mis-servizzi taghhom, dawn in-negozji reġgħu laqgħu għandhom lil-klijenti wara aktar minn xahrejn.
Ċar fost is-sidien u l-ħaddiema, l-entużjażmu għal dan il-ftuħ mill-ġdid. Ben Muscat, sid ta’ ristorant ewlieni fil-Mosta qalilna li din il-ġurnata kienet qisu bidu ġdid għal ħafna.
Ftuħ li iżda żgur li mhuwiex wieħed bla sfidi għad-diversi oqsma kif qalilna Julian Sammut, direttur f’kumpanija li għandha għadd ta’ stabbilimenti tal-catering, li qal li dawn l-ewwel ġimgħat se jkunu iebsin ħafna, iżda li jridu jħarsu ‘l quddiem b’fiduċja li l-affarijiet jerġgħu jibdew jitjiebu.
L-istess ħsieb esprimietu Sue Caruana, sid ta’ klinika tas-sbuħija, li qalet li l-ftuħ mill-ġdid tal-klinika tas-sbuħija kien pass importanti għalihom iżda li l-akbar sfida hi li l-esperjenza tal-klijent issa hija waħda differenti ħafna minn dik li kien ikollhom qabel ma faqqgħet il-pandemija.
Intant fit-tieni jum ir-ristoranti dehru ftit aktar impenjati mill-bieraħ. L-attività ġiet riflessa wkoll fiż-żieda fit-traffiku fit-toroq, li llum kien ifakkar aktar fil-ġranet ta’ qabel ma laqtitna l-pandemija, hekk kif jidher li aktar nies qed joħorġu minn djarhom.
//= $special ?>