Futbol Sport

Havertz jerġa’ jispikka f’rebħa għal Bayer Leverkusen

(Ritratt: EPA)

Fil-partita bejn Borussia Mönchengladbach u Bayer Leverkusen, kienu Leverkusen li ħarġu rebbieħa 3-1 biex komplew bil-mixja pożittiva wara t-tkomplija tal-kampjonat. It-tim ta’ Peter Bosz fetaħ tajjeb u fis-seba’ minuta marru fil-vantaġġ permezz tas-solitu KAI HAVERTZ wara pass tajjeb ta’ Bellarabi. Ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, Havertz resaq viċin meta x-xutt tiegħu ħabat mal-mimduda.

Mönchengladbach ġabu d-draw fit-52 mintua permezz ta’ MARCUS THURAM wara xogħol tajjeb ta’ Alassane Plea. Tliet minuti wara Levekusen ingħataw penalty wara foul fuq Bellarabi. HAVERTZ minn ħdax –il metru ma’ żbaljax u tefa’ lil Leverkusen fil-vantaġġ. Fil-81 minuta SVEN BENDER issiġilla r-rebħa għal Bayer Leverkusen meta b’daqqa ta’ ras għeleb lil Yann Sommer.

Borussia Dortmund komplew iżommu l-pass ma’ Bayern Munich meta għelbu lil Wolfsburg barra minn darhom 2-0. RAPHAEL GUERREIRO tefa’ lil Dortmund fil-vantaġġ fit-32 minuta wara xogħol tajjeb ta’ Thorgan Hazard. Dotmund komplew jiddominaw u aċċertaw mir-rebħa fit-78 minuta permezz ta’ ACHRAF HAKIMI wara pass mingħand Jadon Sancho. Wolfsburg spiċċaw jilagħbu l-aħħar 10 minuti bi plejer inqas wara li Felix Klaus tkeċċa wara daħla perikoluża fuq Manuel Akanji.

Werder Bremen barra minn darhom għelbu lil Freiburg 1-0 b’ gowl fid-dsatax –il minuta minn LEONARDO BITTENCOURT. Freiburg kellhom gowl ikkonvalidat permezz tal-VAR fid-89 minuta meta Manuel Gulde ħaseb li ġab id-draw.

It-tim tal-qiegħ SC Paderborn kisbu punt importanti fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni meta ġew draw kontra Hoffenheim. Kienu Hoffenheim li marru fil-vantaġġ permezz ta’ ROBERT SKOV fir-raba’ minuta. Ħames minuti wara SC Paderborn ġabu d-draw permezz ta’ DENNIS SRBENY.

Riżultati: Ilbieraħ: Hertha BSC v FC Union Berlin 4-0, Illum: Borussia Mönchengladbach v Bayer Leverkusen 1-3, Freiburg v Werder Bremen 0-1, SC Paderborn 07 v Hoffenheim 1-1, Wolfsburg v Borussia Dortmund 0-2, Bayern Munich vEintracht Frankfurt 2-0 (parzjali), Għada: Schalke 04 v Augsburg 1.30 pm, Mainz 05 v RB Leipzig 3.30 pm, FC Köln v Fortuna Düsseldorf 6.00pm