Coronavirus Sport Sport Ieħor

Ħidma bejn l-organizzaturi tal-French Open u tal-US Open biex ma jsirux fl-istess perjodu

(Ritratt: EPA)

Id-Direttur tal-French Open, Guy Forget qal li qiegħed jaħdem fil-viċin mal-organizzaturi tal-US Open biex jassiguraw li dawn iż-żewġ avvenimenti tat-tennis ma jsirux fl-istess perjodu. Il-French Open orġinarjament kellu jibda għada iżda minħabba l-pandemija tal-coronavirus dan kellu jiġi pospost għall-20 ta’ Settembru.

Il-finali tal-US Open għandha ssir ġimgħa qabel ma’ jibda l-French Open, deċiżjoni li qajmet kritika mis-segwaċi tat-tennis. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Federazzjoni tat-Tennis Franċiża, qalet li kienet tinsab f’diskussjoni mal-ATP, WTA u l-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis dwar kif se jiġi rivedut il-kalendarju tennistiku.

Forget qal li l-probabilità hi li l-French Open jiċċaqlaq u jibda fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru. Minkejja li għad hemm dubji jekk l-istaġun tat-tennis huwiex se jitkompla minħabba l-pandemija tal-coronavirus, Forget jinsab kunfidenti li t-tennis jirritorna din is-sena.