Numru ta’ NGOs esprimew tħassib għall-fatt li l-Gvern qed jonqos milli jippubblika tagħrif tekniku ddettaljat dwar il-proġett tal-Wasteserv.
Fi stqarrija konġunta, 10 NGOs saħqu li l-inċinerazzjoni u l-konverżjoni termali mhumiex enerġija rinnovabbli u li jkun ħażin li nagħtu l-impressjoni li dawn jistgħu jitqiesu bħala tali. Id-daqs tal-impjant li jikkonverti l-iskart f’enerġija għandu kemm jista’ jkun jinżamm minimu sabiex ikun hemm spazju fejn jiġi ttrattat skart li attwalment ma jistax jiġi rriċiklat. Minbarra l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (EIA), li għal proġett bħal dan trid issir bilfors, għandha ssir ukoll evalwazzjoni tal-impatt soċjali qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni definittiva biex dan il-proġett isir.
Huma qalu li studji dettaljati dwar l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u emissjonijiet potenzjalment perikolużi oħra huma importanti ħafna sabiex jgħinuna nifhmu x’tip ta’ impatt se jkun qed iħalli dan l-impjant tal-immaniġġjar tal-iskart fuq bliet, irħula u komunitajiet tal-biedja li jinsabu fil-qrib, u m’għandhomx jiġu mwarrba.
L-NGOs qalu li jinsabu primarjament imħassba li sistema li tikkonverti l-iskart fl-enerġija tista’ twassal għal ġenerazzjoni eċċessiva tal-iskart. Is-soċjetà Maltija jeħtieġ li tifhem il-bżonn li nagħmlu sforz kollettiv biex nibdew nirriċiklaw aktar u nimplimentaw prattiki li jgħinuna nimminimizzaw il-ġenerazzjoni tal-iskart u nilħqu l-miri tagħna.
Dan ifisser li s-setturi kollha tas-soċjetà jeħtieġu li jkunu konformi u jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jimxu mal-proċeduri tas-separazzjoni tal-iskart, speċjalment lukandi u fabbriki. L-istqarrija tkompli li sabiex dan ikun possibbli, jeħtieġ li jkollna Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart b’saħħtu, xi ħaġa li l-gvern wiegħed li se jwettaq sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq l-għarfien li r-riżorsi ta’ dan il-pjaneta huma limitati u xi darba se jispiċċaw. Hemm bżonn nifhmu li ma nistgħux nibqgħu nimmanifatturaw, nipproduċu, u nirriċiklaw il-karti, il-plastik, il-metall u l-ligi għal dejjem.
Huwa kruċjali li nnaqqsu l-użu tal-materjali u r-riżorsi sabiex niżguraw li r-riżorsi finiti tal-pjaneta tagħna jintużaw b’mod sostenibbli. Il-materjali li ma jistgħux jerġgħu jintużaw jew jiġu ġġenerati mill-ġdid, u li għalhekk ma jifformawx parti mill-ekonomija ċirkolari, għandhom jibdew jinqatgħu bil-mod u eventwalment jiġu pprojbiti.
Għalkemm jirrikonoxxu li sistema li tikkonverti l-iskart f’enerġija hija xi ħaġa pożittiva ħafna u ħafna iktar preferibbli milli jintrema l-iskart f’engineered landfills, jeħtieġ li ngħarfu li din m’għandhiex tiġi ppreżentata bħala l-unika soluzzjoni possibbli li teżisti.
L-NGOs saħqu li għandhom ukoll jiġu mwettqa aktar studji dwar is-sistema ta’ tkessiħ (cooling system) tal-inċineratur, għax jekk din issir se jibda jintrema ilma sħun fil-baħar fiż-żona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Dan inevitabbilment se jħalli impatt negattiv fuq l-ambjent marin, inkluż il-ħaxixa tal-baħar protetta, il-Posidonia meadows. Il-Posidonia meadows hija waħda mill-iktar sorsi ta’ ossiġnu importanti għall-ibħra kostali, u mhux ta’ b’xejn li hija magħrufa bħala l-pulmun tal-Mediterran.
L-organizzazzjonijiet tennew li jemmnu wkoll li t-telfa ta’ 83 tumulu (9 ettari) ta’ art tar-raba’ hija eċċessiva wisq u mhux neċessarja għal dan it-tip ta’ proġett. L-EIA jeħtieġ li jevalwa l-impatt fuq il-produzzjoni agrikola Maltija u ż-żieda fid-dipendenza fuq il-prodott importat. Qalu li minbarra l-ħtieġa li nibdew serjament nikkunsidraw mill-ġdid l-istrateġija u d-drawwiet tagħna fejn jidħol l-iskart, hemm bżonn ukoll li naraw li proġetti tal-immaniġġjar tal-iskart ikunu sostenibbli u ma jkomplux iwasslu għal aktar telf ta’ art agrikola u riżorsi simili.
L-istqarrija kienet iffirmata minn Din l-Art Ħelwa, Extinction Rebellion Malta. Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Isles of the Left, Malta Youth in Agriculture Foundation, Moviment Graffitti, Ramblers Malta, The Archaeological Society Malta u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi.
//= $special ?>