Lokali

“Il-każijiet ta’ vjolenza domestika żdiedu” – l-Isqof t’Għawdex

“Għandna pjaga soċjali moħbija”

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, sostna li matul dawn l-aħħar xhur waqt li kulħadd kien obbligat jibqa’ ġewwa flimkien kien hemm min ħataf l-opportunita u saħħaħ l-għaqda fil-familja. Madanakollu sostna wkoll li, “kien hemm min ma għarafx jikkontrolla t-temperament tiegħu….u l-imġieba fid-dar saret aktar vjolenti”.

L-Isqof t’Għawdex ammetta li għamel żball meta fil-bidu tal-imxija meta mistoqsi mill-ġurnalisti huwa kien pożittiv l-għaliex spjega li hekk kif il-poplu kien qed iħabbat wiċċu ma’ theddida serja għas-saħħa ma ħasibx li kien ser ikun hemm minn iwerwer lil dawk l-aktar għeżież għalieh.

Iżda issa huwa saħaq li matul l-imxija l-każijiet ta’ vjolenza domestika żdiedu. L-Isqof Mario Grech sostna li bosta huma dawk il-persuni fl-Ewropa li ta’ kuljum qed isofru fis-silenzju, moħbija f’darhom.

Huwa insista li l-vjolenza domestika ma jfissirx biss swat iżda din taf tkun ukoll psikoloġiku. Spjega wkoll li l-vjolenza tista’ ssir ukoll meta l-persuna tispiċċa limitata minn kemm tista’ tonfoq flus – li tiddependi biss fuq min jikkmanda taħt is-saqaf ta’ darha.