Lokali

Il-Korp tal-Pulizija jixraqlu Kummissarju serju u integru li jgawdi l-fiduċja taż-żewġ terzi tal-Kamra

“Qegħdin ninsistu li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinħatar biż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti għaliex fl-ebda pajjiż m’hemm gvern bħall-Gvern Laburista li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna kontra l-interess tal-poplu. Aħna rridu li l-istituzzjonijiet ikunu ħielsa mix-xkiel u l-ħtif tal-Gvern biex iċ-ċittadini ma jibqgħux iħossuhom żgħar quddiem il-politiċi.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist Brian Hansford.

Adrian Delia qal li f’ebda pajjiż ma kien hemm Kummissarju li abdika milli jagħmel xogħlu u fejn il-Prim Ministru jirbaħ il-premju tal-iżjed korrott fid-dinja, fejn 90% tal-ġudikatura nħatret skont l-affiljazzjoni politika, fejn ħadd ma jġorr ir-responsabbilta’ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn l-Avukat Ġenerali quddiem kuntratt fejn il-poplu qed jinsteraq jagħżel li jiddefendi lill-barranin flok lill-Maltin, fejn Ministru jiffirma minn wara dahar kulħadd li nagħtu €100,000,000 lil Steward jekk ifallu u fejn l-investigazzjonijiet fuq Konrad Mizzi, Karl Cini u Nexia BT jibqgħu ma jsirux. Huwa qal li bl-istruttura li ħoloq il-Gvern għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija l-għażla se tibqa’ f’idejn il-Prim Ministru, se jkun fuq probation għal sena u meta jidhirlu l-Prim Ministru stess ikeċċih.

Adrian Delia qal li qal l-Oppożizzjoni trid li l-Kummissarju jgawdi l-fiduċja taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-rappreżentanti biex ikollna Korp tal-Pulizija li jerġa’ jissahhah u jingħata lura l-ġieħ li jistħoqqlu, b’Kummissarju integru u serju. Dan meta issa ilna xhur sħaħ mingħajr Kummissarju tal-Pulizija u kellna sitt kummissarji differenti f’dawn l-aħħar seba’ snin, fejn min jirriżenja u min sariltu l-pressjoni mill-Gvern, bl-aħħar Kummissarju li ma għamilx xogħlu, ma għamilx l-investigazzjonijiet u baqa’ jiddefendi lil min kellu allegazzjonijiet ċari dwaru.

Mistoqsi dwar il-grilling tal-Kummissarju l-ġdid, Adrian Delia qal li mhux jeskludi li l-Oppożizzjoni tipparteċipa iżda l-Gvern mhux qed jagħti l-informazzjoni u fil-mument li naraw li rrid nintervjenu, jekk ikun għall-aħjar ta’ pajjiżna se nagħmluh. Huwa qal li għall-kariga ta’ Kummissarju ssemmgħu ismijiet li ma jagħmlux ġieħ għall-Korp, b’persuna mċappas b’reati serji u li xorta tefa’ ismu, u jekk irridu li l-affarijiet isiru b’mod differenti jeħtieġ li l-Gvern jibgħat sinjal ċar u mhux jibqa’ fil-korruzzjoni li saret it-trademark tal-Gvern Laburista. Dan bl-istess mod li jrid jintbagħat sinjal ċar meta ftit tax-xhur oħra pajjiżna jrid joqgħod għall-eżami importanti tal-Moneyval, fejn ma nistgħux infallu għax il-konsegwenzi jkunu kbar u jekk niġu blacklisted jintilfu l-investimenti u l-impjegi.

Mistoqsi dwar l-immigrazzjoni irregolari, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu kontra l-pushback għax jemmen li l-ebda Malti ma jrid li jintilfu l-ħajjiet fil-baħar, hemm l-obbligi internazzjonali li jridu jiġu mħarsa u jekk dan ma jsirx titlef ir-rispett u s-saħħa li tinnegozja fuq rilokazzjoni tal-immigranti fil-pajjiżi l-oħra fil-komunità internazzjonali billi l-prinċipju tas-solidarjetà jitwettaq bis-serjetà u mhux jibqa’ biss fuq il-karta. Adrian Delia qal li bħalissa pajjiżna jinsab f’emerġenza nazzjonali bil-pandemija tal-COVID-19 u ċ-ċentri jinsabu ffullati. Huwa qal li pajjiżna ma jistax jibqa’ jġorr waħdu din l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari iżda hija sfida li trid tinġarr mill-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali kollha, fejn ma jistax jibqa’ jkun hemm ftehimiet ad hoc għal kull każ, iżda struttura għat-tqassim tal-immigranti fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għamel pressjoni kbira waqt is-summit straordinarju tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) u d-diffikultajiet ta’ pajjiżna tpoġġew fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet. L-istess għamel waqt laqgħa bil-video conferencing mal-Kummissarju Ewropew li hija responsabbli mill-immigrazzjoni fejn intlaħaq qbil biex ikun hemm ftehim għall-proċess tal-ażil tal-immigranti. Huwa qal li dan il-qafas li ġie diskuss mal-Kummissarju jrid imur quddiem il-Kunsill tal-Ewropa fejn hemm il-Prim Ministri tal-pajjiżi membri. Adrian Delia qal li Robert Abela mhux jirnexxilu jikkonvinċi fl-Ewropa meta jrid jieħu dan il-kwistjoni b’iktar serjetà u jagħmel pressjoni kuljum iżda quddiem din l-isfida nazzjonali Robert Abela qed jigdeb dwar l-Oppożizzjoni biex jifred lill-poplu meta rridu nkunu magħqudin.