Coronavirus Lokali Transport Turiżmu

Jikbru l-indikazzjonijiet dwar il-ftuħ tal-ajruport; konfermati titjiriet minn Ċipru

L-għeluq tal-ajruport estiż sal-15 ta' Ġunju

It-titjiriet bejn Malta u Ċipru se jirritornaw ix-xahar id-dieħel. Dan ħabbru l-Ministru Ċiprijott Yiannis Karousos f’komunikat lill-media fejn qal illi Ċipru se tiftaħ 19-il rotta wara ġimgħat ta’ għeluq minħabba l-Coronavirus. Fost ir-rotot li se jiftħu, hemm dik ta’ Malta.

Il-komunikat ta’ Karousos wasal fl-istess jum illi fih l-awtoritajiet Maltin estendew l-għeluq tal-ajruport sal-15 ta’ Ġunju.

Lejn il-bidu ta’ dan ix-xahar il-Ministru Chris Fearne kien ċaħad kategorikament li Malta se tiftaħ l-ajruport. Dakinhar, meta intervistat minn Xarabank, kien kważi urtat għall-fatt li kienet saritlu d-domanda dwar ir-ritorn tat-titjiriet. Għalkemm l-għada, il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli kienet qalet li qed tippjana l-ftuħ tal-ajruport.

Meta l-Ministru tat-Turiżmu semmiet dawk li qed issejjaħ “rotot siguri” kienet identifikat 9 pajjiżi. Ċipru ma kienx jissemma’ f’din il-lista.

Id-disa’ pajjiżi kienu il-Lussemburgu, in-Norveġja, is-Serbja, is-Slovakkja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja u Iżrael.

Sa issa għadha mhix magħrufa d-data eżatta meta se jerġa’ jiftaħ l-ajruport Malti.

Uħud mill-ajruporti fl-Ingilterra kif ukoll l-ajruporti fl-Italja se jiftħu fil-bidu tax-xahar id-dieħel.