Lokali

Joseph Muscat isaħħaħ ir-rabtiet tiegħu mal-Ażerbajġan

Kulħadd jaf li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għal diversi snin kellu rabtiet mill-qrib mal-Ażerbajġan. Issa, sar membru tan-Nizami Ganjavi International Centre, lobby group iffinanzjat mill-Gvern tal-Ażerbajġan.

Ir-rabtiet ta’ Muscat mal-pajjiż li persistentement tikklissifika ħażin fl-indiċi tal-korruzzjoni ta’ Transparency International, ilhom li ġew iffurmati.

Lura meta Joseph Muscat kien Membru Parlamentari Ewropew, hu kien ukoll fil-Kumitat Parlamentari ta’ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan.

Il-grupp ġie mwaqqaf mill-mexxej tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev, l-istess Aliyev li ħames snin ilu, Muscat mar jiltaqa’ miegħu flimkien ma’ l-eks Ministru Konrad Mizzi u dak li kien il-Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Muscat, Kurt Farrugia.

Dakinhar tal-laqgħa, ġurnalisti tal-istazzjon Nazzjonali, kif ukoll il-fotografu tad-DOI li kienu marru Baku għall-okkażżjoni, tħallew jistennew u baqgħu ma attendewx għall-laqgħa misterjuża.

Fl-2012, Ilham Aliyev kien l-ewwel wieħed li ħa l-premju tal-OCCRP bħala l-persuna tas-sena għall-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. L-istess premju ħadu wkoll Joseph Muscat ftit tax-xhur ilu.