23 TA’ MEJJU 1982
Għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, Hibernians rebħu l-kampjonat u l-FA Trophy fl-istess staġun. Eżattament 38 sena ilu, għelbu lil Sliema Wanderers 2-0 f’għeluq is-60 anniversarju mit-twaqqif tal-klabb. F’rapport fil-ħarġa In-… Tagħna l-għada tal-logħba, intqal li l-logħba kienet intrebħet mal-ewwel gowl u spiċċat mat-tieni wieħed. Saħansitra r-rebħa ġiet deskritta li setgħet kienet akbar.
Hibernians fetħu l-iskor fis-26 minuta meta minn korner ta’ Cassar, id-difiża ta’ Sliema biegħdet parzjalment il-periklu, b’NOEL ATTARD jegħleb lil Alan Zammit b’xutt sabiħ mill-kaxxa. It-tim immexxi minn Eddie Theobold irdoppja fl-64 minuta. Minn passaġġ ta’ Norman Buttigieg, Hibernians bdew kontrattakk, b’GUŻI XUEREB jantiċipa l-ħarġa ta’ Zammit u skorja b’xutt djagonali minkejja li xi plejers Slimiżi daħlu fil-lasta.
It-tisfira finali tar-referee Twanny Agius wasslet għal ċelebrazzjonijiet meritati mill-plejers u partitarji ta’ Hibernians. Wara l-logħba, il-captain tal-Pawlisti Gużi Xuereb irċieva t-trofew mingħand il-Viċi President tal-MFA Herbert Messina Ferrante.
//= $special ?>