Stewart Said
Andy Grech, l-isem tal-mument bħalissa fl-atletika lokali. Ġimgħa ilu laħaq President tal-Malta Amateur Athletic Association b’mira ċara li jagħti spinta lil dan l-isport u jġib il-bidla li kien hemm bżonn. Ħafna huma l-ħsibijiet u ideat li għandu Grech, storja ta’ President li hi pjuttost differenti minn dak li aħna drajna biha. Andy Grech għad għandu 29 sena u hu magħruf fiċ-ċrieki tal-atletika lokali bħala eks atleta.
Fost id-diversi kompetizzjonijiet li ħa sehem fihom jispikkaw il-midalji mirbuħa fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Fl-edizzjoni tal-2011 f’Liechtenstein kien parti mit-tim Malti tar-relay li fl-4×100 metru kiseb il-midalja tal-fidda wara li kienu l-ewwel għal parti kbira mit-tellieqa. Fil-Lussemburgu sentejn wara, Grech rebaħ il-bronż fit-triple jump. Hu kien kostrett jirtira fl-2015 wara problema naqra serja fl-irkoppa. Grech kellu jagħmel żewġ operazzjonijiet f’sitt xhur, ħass li ma kienx kompetittiv u ddeċieda li jieqaf. Minn hemm bdiet mixja differenti tiegħu fl-isport.
Bħalissa jinsab fit-tielet sena tad-Dottorat dwar għaliex l-atleti Maltin ma jistgħux isiru professjonali. Fl-istudju tiegħu qed jikkompara lil Malta ma’ Ċipru, l-Iżlanda u l-Montenegro, tliet nazzjonijiet li jieħdu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar bħalna. Fosthom qed iħares lejn l-eżempji tal-Montenegro fil-waterpolo u l-Iżlanda fil-futbol u kkonferma kemm pajjiżna jinsab lura fl-isport.
Il-pjan tiegħu għall-atletika
L-intenzjoni li jikkontesta għall-ogħla kariga fl-atletika waslet fl-aħħar xhur. F’diskussjoni li kellu ma’ Matthew Crocker, Grech qasam il-ħsieb li jkun Membru tal-Kunsill iżda minflok ġie mħeġġeġ biex jikkontesta għal President. Dan wassal biex iltaqa’ ma’ xi nies u bdew ifasslu pjan dwar punti li jistgħu jaħdmu fuqhom biex il-possibbiltà sseħħ. “Meta kont atleta, kont ninduna li l-atleti jieqfu ħabta u sabta.” Hu semma li waħda mir-raġunijiet kienet li l-atleti kienu ddejqu fuq xi deċiżjonijiet li ttieħdu anki mill-Kunsill tal-MAAA.
Grech kompla li teżisti problema amministrattiva dwar it-tfassil tal-politika fl-assoċjazzjoni u dan hu aspett li hu għandu l-intenzjoni ċara li jaħdem fuqha biex b’hekk l-MAAA ikollha direzzjoni ċara ta’ fejn trid tmur. Ir-riżultati juru kemm tim ikun effettiv u għalkemm it-terminu tiegħu hu ta’ sentejn, qed iħares lejn l-2023. Dik hi s-sena meta Malta se torganizza għat-tielet darba l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u Grech irid li bl-aktar mod realistiku, jinkisbu riżultati pożittivi, b’rebħ ta’ midalji u ksur ta’ rekords nazzjonali.
Il-ħsieb li tinħoloq komunità
Andy Grech bħala persuna żagħżugħa, għandu ħafna ideat kif jista’ jgħin lill-atletika. Pjan li jien inqisu li hu l-akbar wieħed fil-programm tiegħu hu l-ħolqien ta’ komunità fl-atletika. “Irrid ħafna affarijiet. Nixtieq li fl-atletika nsiru komunità – il-klabbs, l-atleti, il-paralimpiċi, special olympics – kulħadd għandu jkun kburi li jirrappreżenta lill-pajjiż u lill-isport.”
Bħala eks atleta, Grech iħoss li hu għadda mill-affarijiet tajbin u ħżiena ta’ atleta u għalhekk jaf l-atleti x’għandhom bżonn. Hu jrid li l-atleti jattendu fit-track tal-Marsa u jibqgħu hemm b’gym modernizzat u l-ftuħ mill-ġdid tal-bar li ngħalaq. Fil-preżent żied li m’hemm xejn xi jżomm lill-atleti hemm, b’konsegwenza li kulħadd jaħdem b’mod individwali, jagħmlu l-ħin tagħhom u jitilqu.
“L-aspett soċjali fl-aħħar snin naqas mhux ftit. L-interess naqas u qisu l-klabbs ħadu għalihom. Aħna għandna b’kollox 16-il klabb iżda kienu sitta biss li kellhom id-dritt tal-vot fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali, xi ħaġa li nqisha fqira ħafna.” Biex dan il-ħsieb tiegħu ta’ komunità jseħħ, Grech jisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm struttura professjonali. Din ma tinvolvix flus iżda l-ħsieb li l-affarijiet isiru b’mod professjonali, jiġifieri jaħdmu għal għan billi jużaw mentalità professjonali. “Fil-Kunsill hemm disa’ persuni u kulħadd ikollu xogħlu. Barra minn Malta jirnexxilhom, għaliex aħna le?”
Il-faċilitajiet u l-fondi
Pajjiżna għandu żewġ tracks tal-atletika iżda hi biss l-Matthew Micallef St. John Athletics Stadium fil-Marsa li hi ċċertifikata mill-World Athletics biex tkun tista’ torganizza kampjonati ta’ ċertu livell. It-track infetħet uffiċjalment fil-25 ta’ April tal-1993 wara investiment biex saret l-art sintetika u kien fl-aħħar snin li sar il-manteniment fuq wiċċ ġdid.
Andy Grech hu sodisfatt bil-faċilitajiet li għandhom fil-preżent hekk kif it-track hi mgħammra bi tmien korsiji minbarra postijiet adegwati fejn jistgħu jiġu pprattikati l-long jump, il-high jump, pole vault, javelin, shot put u discus. Jixtieq li jsir investiment fil-gym preżenti li hemm u biex jibda, jemmen li jekk jinbidel l-apparat li hemm, ikun biżżejjed għaliex bħalissa jqis li l-livell ta’ apparat mhux kif mixtieq.
Bħala MAAA huma jirċievu fondi mill-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta skont ir-riżultati miksuba. L-atletika f’pajjiżna dejjem ġabet numru ta’ midalji fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u bħalissa jinsab kuntent bl-ammont ta’ fondi li qed jingħataw, għalkemm ovvjament kulħadd ikun irid aktar. L-assoċjazzjoni Maltija tirċievi wkoll fondi mill-European Athletics u l-World Athletics. Il-maġġoranza tal-fondi jmorru biex ikunu jistgħu organizzati kampijiet ta’ taħriġ barra minn Malta.
Is-settur tal-kowċing
Aspett ieħor li Andy Grech irid jaħdem sew fuqu hu l-aspett tal-kowċing. Hu jħoss li l-Kunsilli preċedenti tal-MAAA ma tawx importanza lil dan is-settur. Malta għad ma għandiex struttura iżda jużaw dik tal-World Athletics. “Nixtieq li jkollna Kummissjoni tal-kowċis u nirriforma l-Malta Athletics Coaches Association li kienet ineżistenti. Nixtieq nuża l-metodu ta’ tagħlim kontinwu, inġib lecturers differenti li għandhom esperjenza u l-kowċis ikunu jistgħu jibnu l-portafoll b’ċertifikati.”
Li tinħoloq kummissjoni tal-kowċis tinsab fl-istatut tal-MAAA u tinsab fil-programm tiegħu. Il-ħsieb hu biex ikunu jafu x’hemm bżonn, liema kariga se jeħodha f’idejh biex anki juri li għalih il-kowċis huma speċjali. “Hemm ħafna opportunitajiet mill-Kumitat Olimpiku u Sport Malta filwaqt li l-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika jagħmlu ħafna korsijiet iżda jkunu jiswew wisq għalina. Forsi hemm nippruvaw niksbu xi fondi biex ngħinu lill-kowċis u l-amministraturi tagħna. L-atleti, kowċis, amministraturi jrid ikollhom l-aqwa preparazzjoni possibbli.”
L-impatt tal-Covid-19
Il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet effett fuq id-dinja, f’Malta u wisq anqas fuq l-atletika. Fost l-impatt, tħabbar ftit jiem ilu li l-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra tħassret. Minħabba li Malta ma tiksibx midalji fl-Olimpjadi jew f’Kampjonati tad-Dinja, dawn il-Logħob huma importanti għal Malta.
Mill-perspettiva ta’ amministrazzjoni, huma importanti minħabba l-fondi li jirċievu filwaqt li l-atleti li jiksbu midalji jkunu kkunsidrati bħala atleti elite minbarra l-aspett kompetittiv. Minbarra l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, tħassru wkoll il-Kampjonati tad-Dinja indoor kif ukoll il-Kampjonati Ewropew ta’ barra. Kawża ta’ hekk, l-atleti bħalissa huma bla motivazzjoni għaliex ma jafux meta jerġa’ jista’ jkollhom kompetizzjonijiet.
Finalment, matul din il-ġimgħa ġew irrilassati xi miżuri marbuta mal-isport u t-track tal-atletika reġgħet bdiet tinfetaħ wara ftit aktar minn xahrejn magħluqa. Dan kollu b’linji gwida u ċertu restrizzjonijiet, bl-eks President Edwin Attard kien ta s-suġġerimenti tiegħu fuq l-istil Taljan. Il-ftuħ mill-ġdid tat-track għandu jgħin lill-atleti biex jerġgħu jibdew jiksbu dak li tilfu fl-aħħar ġimgħat.
//= $special ?>