Futbol Sport

11-IL SENA ILU: L-għaxar kampjonat ta’ Hibernians mirbuħ fl-aħħar logħba kontra Valletta

(Ritratt: Brian Grech)

24 TA’ MEJJU 2009

Hibernians ħadu dak li riedu mill-aħħar logħba tal-kampjonat u rebħu l-10 titlu fl-istorja tagħhom. Huma spiċċaw 0-0 kontra l-isfidanti tagħhom Valletta biex rebħu stilla fuq l-arma filwaqt li ċaħħdu t-tieni kampjonat konsekuttiv u l-20 kampjonat lil Valletta. Fil-klassifika finali, il-Pawlisti spiċċaw żewġ punti qabel Valletta.

Quddiem l-akbar attendenza tal-istaġun, il-logħba kif kien mistenni, kienet mimlija eċċitament u fl-istess ħin tensjoni. Hibernians kienu aktar kawti fit-tattika tagħhom hekk kif kienu konxji li jekk ma jsofrux gowl, jirbħu l-ewwel kampjonat wara seba’ snin. Il-logħba ma kienx fiha ħafna azzjonijiet, b’Valletta jkollhom aktar il-ballun f’saqajhom iżda ftit kienu perikolużi. Valletta resqu qrib il-gowl fit-58 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Steve Bezzina jkun imxellef għal korner minn Mario Muscat.

Hibernians kważi fetħu l-iskor fis-67 minuta. Adrian Pulis tefa’ lejn is-sostitut Terrence Scerri li qabbeż il-ballun, b’Andrew Hogg imiss il-ballun u ħabtat mal-lasta l-wieqfa. Hekk kif kienu qed jikkontrollaw lill-avversarji, Hibernians setgħu saħansitra rebħu l-logħba fil-91 logħba, biż-żagħżugħ Ben Camilleri qabeż lil Hogg iżda inkredibbilment xeħet barra.

It-tisfira finali tar-referee Adrian Azzopardi ntlaqgħet b’ferħ kbir mill-partitarji Pawlisti, bil-plejers isellmu lill-partitarji tagħhom. Wara l-partita, il-captain ta’ Hibernians Mario Muscat ġie ppreżentat bit-trofew mill-President tal-MFA Joe Mifsud.