Futbol Sport

12-IL SENA ILU: Michael Galea deċiżiv fir-raba’ suċċess ta’ Birkirkara fl-FA Trophy

Ritratt: In-Nazzjon)

24 TA’ MEJJU 2008

Gowl fl-aħħar minuti tas-solitu Michael Galea qasam il-qlub tal-Ħamruniżi u rebbaħ l-FA Trophy lil Birkirkara għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom. Il-partita ntlagħbet quddiem pubbliku numeruż, bil-partitarji ta’ Ħamrun kienu qed jittamaw li jtemmu stennija ta’ 16-il sena għal unur maġġuri.

Wara li l-ewwel taqsima kienet pjuttost kwieta, it-tieni taqsima żiedet fil-livell, biż-żewġ timijiet urew li se jkunu aktar avventurużi. Kienu Birkirkara li fetħu l-iskor fit-58 minuta b’korner li minnu Shaun Bajada tefa’ kross lejn MICHAEL GALEA, bid-daqqa ta’ ras tiegħu tkun salvata parzjalment minn Sean Sullivan. Iżda minkejja li Ryan Fenech biegħed il-periklu, l-assistent referee Mariano Debono ġġudika li l-ballun qabeż il-linja, bir-referee Anton Zammit jikkonvalida l-gowl.

Reazzjoni immedjata minn Ħamrun li ġabu d-draw seba’ minuti wara. Minn free-kick, Precious Monye mess il-ballun, bil-captain RYAN FENECH jaħsad lil Bernard Paris b’xutt fil-baxx għar-rokna xellugija tal-Ħamruniż. Il-logħba dehret destinata li tkompli fil-ħin barrani, iżda MICHAEL GALEA kellu ħsibijiet oħra hekk kif skorja l-gowl tar-rebħa fid-90 minuta. B’opportuniżmu skorja b’daqqa ta’ ras minn kross fit-tul ta’ Bajada.

Wara l-logħba, il-preżentazzjoni tat-trofew damet ftit ma saret wara li ftit partitarji ta’ Ħamrun bdew jitfgħu s-siġġijiet fid-direzzjoni tal-partitarji ta’ Birkirkara u s-sezzjoni tal-VIP. Wara li kkalmaw l-affarijiet, il-President tal-MFA Joe Mifsud ippreżenta t-trofew lil Michael Galea. Dan kien l-ewwel unur għal John Buttigieg bħala kowċ.