24 TA’ MEJJU 1995
Preċiżament 25 sena ilu, Ajax saru mill-ġdid Champions tal-Ewropa wara li fil-finali tal-UEFA Champions League għelbu lil Milan 1-0, logħba li ntlagħbet fi Vjenna. Dan is-suċċess kien l-ewwel wieħed fil-kompetizzjoni minn meta rebħu l-unur għal tliet staġuni konsekuttivi bejn l-1971 u l-1973.
Fl-ewwel taqsima Milan iddominaw territorjalment iżda fit-tieni taqsima Ajax tjiebu ħafna anki jekk kellhom jistennew sat-tmiem kisbu l-gowl importanti. Kien iż-żagħżugħ PATRICK KLUIVERT li għeleb lil Sebastiano Rossi b’xutt fil-baxx minn qagħda ideali wara passaġġ ta’ Frank Rijkaard, li kien qed jilgħab l-aħħar logħba tiegħu ma’ Ajax.
Fl-istess kompetizzjoni, Ajax kienu rebħu darbtejn kontra Milan 2-0 u daħlu għal din il-logħba b’imbattibilità ta’ 33 logħba. Fost il-protagonisti tar-rebbieħa kien hemm il-gowlkiper Olandiż Edwin van der Sar li qabel il-gowl kien salva fuq Marco Simone, b’Christian Panucci u Marcel Desailly fallew okkażjonijiet oħra. Wara l-partita, il-President tal-UEFA Lennart Johansson ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Ajax Danny Blind. Dan kien l-aħħar suċċess ta’ Ajax fil-kompetizzjoni sa issa.
//= $special ?>