Futbol Sport

31 SENA ILU: L-ewwel Tazza taċ-Champions ta’ Milan fl-era ta’ Silvio Berlusconi

24 TA’ MEJJU 1989

Milan reġgħu saru champions tal-Ewropa wara nuqqas ta’ 20 sena b’wirja mill-aqwa li ġabu fix-xejn lil Steaua Bucharest meta għelbuhom 4-0 f’logħba li ntlagħbet f’Barcelona. Fost il-protagonisti, l-Olandiżi Ruud Gullit u Marco van Basten li xprunaw l-attakk ta’ Milan li kontinwament assedja d-difiża avversarja.

Ir-Rossoneri fetħu l-iskor fis-17-il minuta meta l-gowlkiper Rumen naqas li jżomm xutt ta’ Angelo Colombo, b’RUUD GULLIT jiskorja minn quddiem il-lasta. L-iskor sar 2-0 fit-28 minuta bi kross ta’ Mauro Tassotti jsib lil MARCO VAN BASTEN li għola tajjeb u skorja b’daqqa ta’ ras.

RUUD GULLIT kompla jkabbar l-iskor fit-38 minuta meta kkontrolla u skorja b’xutt preċiż għar-rokna. Milan neħħew kull dubju dwar ir-rebħa eżatt fil-bidu tat-tieni taqsima, b’passaġġ ta’ Rijkaard lejn MARCO VAN BASTEN li skorja b’xutt djagonali. Wara l-logħba, il-captain ta’ Milan Franco Baresi ġie ppreżentat bit-trofew. Dan it-trofew kien l-ewwel wieħed fl-era ta’ Silvio Berlusconi bħala President ta’ Milan.