Internazzjonali

COVID-19: Iċ-Ċina urtata li l-Istati Uniti mhix titlef opportunità biex tattakkaha dwar l-infezzjonijiet

Il-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi, sejjaħ biex l-Istati Uniti ‘ma taħlix aktar ħin’ fi kritika għaċ-Ċina u qal li ‘in-nies qed joħolmu’ jekk jaħsbu li ċ-Ċina se tħallas kumpens għall-ħsarat li rriżultaw mill-pandemija tal-Covid-19.

Wang Yi, intant, awgura li l-ħajja tan-nies fl-Istati Uniti (li għandha l-akbar numru ta’ vittmi u infezzjonijiet mill-Covid-19 fid-dinja) tirritorma ma ddumx għall-aħjar. Iżda hu esprima ‘dispjaċir li qed jinfirex anki virus politiku fl-Istati Uniti, fejn it-Tmexxija ma titlifx opportunità biex tattakka u timmalafama liċ-Ċina’.

Il-Ministru Ċiniż iddefenda lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li l-Amerikani qed jakkużawha bħala ‘pupazz ta’ Beijing’ – u qal li l-pajjiżi li injoraw il-pariri tagħha fl-eqqel tal-pandemija, ‘illum qed iħallsu prezz qares’.

Il-kummenti ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet annwali, mill-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, li jsir wara l-kwinti tal-Kungress tal-Poplu Nazzjonali f’Beijing. L-istqarrijiet tal-Ministru Ċiniż inkwistjoni jridu jitqiesu bħala ‘messaġġ ċar mingħand Beijing lid-dinja’.

Sadanittant, id-direttur ta’ istitut tal-viroloġija f’Wuhan – il-belt Ċiniża fejn, is-sena l-oħra, feġġew l-ewwel każi tal-Covid-19 — qalet li fil-laboratorji taċ-ċentru għaddejjin l-istudji dwar tliet versjonijiet ‘ħajjin’ ta’ coronaviruses relatati mal-friefet il-lejl, iżda l-ebda waħda ma fiha elementi simili għall-virus li jikkaġuna l-infezzjoni qattiela li nfirxet mad-dinja.

Wang Yanyi, f’intervista, ċaħdet li l-Covid-19 oriġina mill-istitut u sostniet li dawn huma kollha ‘qlajjiet’. Hi spjegat li l-istitut kien wasallu kampjun kliniku ta’ pneumonia mhux magħruf fit-30 ta’ Diċembru u wara li l-analiżi tal-pathogen fi ħdan il-kampjun sar magħruf li kien jinkludi coronavirus ġdid.

‘Ma kellna l-ebda għarfien dwar il-coronavirus minn qabel u qatt ma mexxejna xi riċerka relatata inkella żammejna l-elementi tiegħu,’ spjegat Wang Yanyi.

Filwaqt li qed ikun allegat ukoll li l-Covid-19 oriġina minn suq tal-ikel f’Wuhan fejn jinbiegħu l-annimali slavaġ u li x’aktarx hu relatat mal-friefet il-lejl, il-President Amerikan Donald Trump qed jinsinwa li ċ-Ċina tista’ qed tipprova taħbi ‘leak’ minn xi laboratorju; bil-kelliema f’Beijing jiċħdu ‘għall-għajdut.’

Fi żviluppi oħra…

Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sanchez, ħabbar li t-turiżmu minn barra għandu jkompli mix-xahar ta’ Lulju u li se jkompli wkoll il-La Liga, li hu l-ogħla kampjonat tal-futbol Spanjol, Madankollu, eluf ta’ Spanjoli, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu jipprotestaw dwar il-mod kif il-Gvern ħa ħsieb il-kriżi tal-Covid-19 f’pajjiżu.

Fi Franza, il-Ministeru tas-Saħħa ħareġ direttiva biex l-użu tal-mediċina (għal kontra l-malarja) hydroxychloroquine fuq pazjenti morda bil-Covid-19 jiġi evalwat mill-ġdid wara studju li jindika li l-mediċina ‘iżżid ir-rati tal-imwiet’.

Ir-Russja rappurtat 153 mewta ġdida mill-Covid-19, bit-total tal-vittmi fil-pajjiż jitla’ għal qrib it-3,600. Il-pajjiż irrapporta wkoll viċin id-9,000 każi ġodda tal-marda li jżidu l-infezzjonijiet fit-territorji Russu għal madwar 350,000.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qed jiddefendi lill-konsulent ewlieni tiegħu, Dominic Cummings, li qiegħed jiffaċċja aktar allegazzjonijiet dwar ksur tar-regoli tal-lockdown fil-pajjiż. Cummings, intant, jinsab taħt pressjoni kbira minħabba allegat ‘aġir inaċċettabbli’ b’numru ta’ deputati Konservattivi ( fil-Gvern) qed jinsistu biex hu jitneħħa minnufih minn konsulent.