Il-ġellieda leali għall-Kunsill Tranżizzjonali separatista fin-nofsinar tal-Jemen issieħbu f’numru ta’ battalji ġodda mal-qawwiet tal-Gvern tal-Jemen li qegħdin jingħataw l-appoġġ mill-Arabja Sawdija u l-alleati ta’ Riyadh.
Il-ġlied li żbroffa fi tmiem il-ġimgħa kien għall-kontroll tal-belt tal-port ta’ Zinjibar, li hi l-kapitali tal-provinċja ta’ Abyan, lejn in-naħa t’isfel tal-Jemen.
Sadanittant, il-President tal-Jemen, Abdrabbuh Mansur Hadi, ħalef biex ikompli jistinka għall-għaqda fil-Jemen u enfasizza li beħsiebu jikkonfronta u jegħleb l-attentati kollha għall-firda fil-pajjiż — sewwa jekk dawn ikun ġejjin minn ġewwa kif ukoll jekk l-azzjonijiet jitmexxew minn pajjiż ieħor.
F’diskors biex ifakkar it-30 anniversarju tal-unifikazzjoni tal-reġjuni ta’ fuq u t’isfel tal-Jemen, Hadi qal li pajjiżu, fil-preżent, qed jiffaċċja l-isfidi mill-aktar serji. Dan waqt li hu ammetta li s-sistema tas-saħħa fraġli fil-Jemen qed tegħreq fi żmien meta l-pajjiż qiegħed jiffaċċja l-mewġ tal-mard.
Fost dan il-mard qed jispikkaw l-infezzjonijiet bil-Covid-19 li kapaċi jwasslu għal katastrofi umana oħra fl-ifqar pajjiż tal-Penisola Arbija.
//= $special ?>