Lokali

Il-Maltin kif għażlu li jqattgħu il-Ħadd waranofsinhar?

Minkejja li llum huwa propju l-ewwel Ħadd minn meta nfetħu mill-ġdid ir-ristoranti… propju wara ġimgħat ta’ restrizzjonijiet, in-nies preferew li jqattgħu dan il-jum xemxi fuq xi bajja.

Matul il-Jum tal-Ħadd, wieħed seta’ jinnota preżenza qawwija ta’ nies f’diversi bajjiet iżda minkejja dan f’ħafna każi kienet qed tkun osservata d-distanza soċjali u l-gruppu kienu ta’ inqas minn sitt persuni.

Minn naħa l-oħra minkejja li ir-ristoranti reġgħu bdew jilqgħu lill-klijenti minn nhar il-Ġimgħa li għadda, l-attivita’ fihom kienet kemmxejn kajmana. Apparti min hekk, numru ta’ stabbilimenti tal-ikel xorta għażlu li ma jiftħux jew inkella li joffru biss servizz ta’ ‘Take Away’

Intant, Agenziji tal-Kreditu qed jindikaw li l-ekonomija Maltija tista’ tibda tirkupra fit-tieni nofs tas-sena ….għalkemm jibqgħu xi inċertezzi għal żmien medju u fit-tul minħabba s-sitwazzjoni globali.

F’rapport maħruġ mill-Aġenzija Creditreform intqal illi minn level ta’ pożittivi, il-prospetti tal-ekonomija Maltija tniżżlu għal stabbli. Dan filwaqt li inżamm ir-rating ta’ A+.

It-tħassib tal-ekonomisti tal-Aġenzija huwa għal fatt li l-ekonomija Maltija hija ekonomija miftuħa u tiddependi mill-effetti globali fuq it-turiżmu.

L-Aġenzija qed tbassar li din is-sena, il-Gvern flok surplus ser ikollu defiċit ta’ 8%, u żieda temporanja fil-qgħad.

L-ekonomija Maltija ser turi tnaqqis ta’ 5.5% din is-sena, għalkemm lejn l-aħħar tal-2020 tibda tirkupra.