Lokali

Il-media Laburista kundannata mill-Kamra tal-Avukati

Wara artiklu illi deher fuq is-sit elettroniku tal-media Laburista, fejn ġie rapport illi l-avukat Paul Borg Olivier kien ippreżenta protest gudizzjarju kontra l-Prim Minsitru, il-Kamra tal-Avukati kiteb lill-head of news tal-istess sit fejn ilmentat mill-fatt illi l-artiklu in kwisjtoni kien inkiteb b’mod li ma jirriflettix il-fatt li l-Avukat Borġ Olivier kien qiegħed jaġixxi fil-vesti tiegħu t’avukat. 

Il-Kamra tal-Avukati ilmentat mill-fatt illi r-rappurtaġġ ma kienx wieħed korrett; apparti l-fatt li ikkaġuna ħafna attakki personali fil-konfront tal-avukat Borg Olivier fuq il-media soċjali.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Avukati osservat b’dispjaċir kbir illi minkejja li permezz tal-ittra inġibdet l-attenzjoni tal-media laburista, jidher li kemm l-istess media kif ukoll il-membru parlamentari Ewropew Alex Agius  baqgħu jippersistu bl-istess attakki

Il-Kamra tal-Avukati ikkundannat bla riservi dan ir-rappurtaġġ  u insistiet li ġurnalist serju għandu jagħraf illi r-rwol tal-avukat f’soċjetà ħielsa huwa dak illi jiddefendi u jissalvagwardja d-drittijiet tal-klijenti tiegħu. Għalhekk, mhuwiex aċċettabbli u qatt ma jista’ jiġi ġustifikat attakk fuq avukat illi jkun sempliċiment qiegħed jaqdi d-dover tiegħu skont il-ġurament tiegħu tal-ħatra.